Home / News / Daniel Massa: Ir-rebbieħ tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura 2023
Daniel Massa: Ir-rebbieħ tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura 2023


Il-Professur Daniel Massa dis-sena ngħata l-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, b’turija ta’ ġieħ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) wara ħajja ta’ poeta u karriera akkademika li t-tnejn ikkontribwixxew bil-kbir għal-letteratura Maltija. Massa kien approvat uninimament mill-membri tal-KNK u mill-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Jibqa’ mfakkar għal mumenti poetiċi li diffiċli joħorġu mill-psike Malti, fosthom il-poeżija ‘Delimara’, iżda anki għall-influwenza tiegħu fl-istudju tal-Letteratura Mediterranja, il-Letteratura tal-Commonwealth, u l-Umaniżmu Rinaxximentali bis-saħħa ta’ pubblikazzjonijiet akkademiċi mfaħħrin kemm lokalment u anki lil hinn.
Daniel Massa ppubblika l-ewwel ġabra ta’ poeżiji Xibkatuliss lejn l-aħħar tat-tmenijijiet, li fi kliemu kienet indirizzata lil “qarrejja konxji politikament fi żmien ta’ kunflitt nazzjonali”. Qabel dil-pubblikazzjoni, kien diġà kkontribwixxa f’antoloġiji oħra bħal Kwartett (1960), Analiżi ’70 (1970) u Limestone 84 (1978) ma’ poeti oħra bħal Victor Fenech, J.J. Camilleri, u Mario Azzopardi, fost poeti oħrajn magħrufa taż-żmien. Bħala poeta ewlieni kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, fl-2015 Massa ppubblika Barefoot in the Saltpans (Allied Publications) li hija ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż li kienu tradotti u rriveduti mill-oriġinali bil-Malti – testment tal-impenn bilingwi tiegħu bħala poeta. Fil-kelmtejn ta’ qabel għal dil-ġabra, il-kittieb Ingliż Jim Crace kif faħħar “il-ħila eċċezzjonali li jikteb bl-Ingliż bl-intimità ta’ kelliem nattiv, u mingħajr ma jtellef mill-mużika u r-ritmu li ssibhom fil-kitba tiegħu bil-Malti”. Crace kien innota wkoll li tista’ ttiegħem ix-xefaq Mediterranju fil-versi tiegħu.
Ix-xogħol poetiku tiegħu malajr stabbilixxieh bħala fanal fil-kanonu letterarju Malti minħabba t-trattament tal-legat kolonjali u r-reltajiet politiċi tan-nazzjoni, iżda anki minħabba t-tpittir memorabbli tiegħu tal-baħar mil-lenti tal-psike ta’ xi ħadd li jgħix fuq gżira. Infatti għall-qarrejja u anki għall-kritiċi isem Massa marbut mal-baħar. Fi studju dwar Massa, il-Professur Adrian Grima nnota li fuq livell politiku l-baħar fil-poeżija tiegħu jservi bħala dar alternattiva, u fuq livell liriku x-xbihat b’saħħithom, il-vokabularju u r-ritmi senswali jfakkruna fil-baħar.
Minbarra l-merti artistiċi tiegħu, il-Prof. Massa għandu karriera illustri u twila bħala skular, edukatur u għalliem. Ta’ min isemmi li kien l-ewwel Malti li mexxa d-Dipartiment tal-Ingliż meta l-Fakultà tal-Arti fl-Università twaqqfet mill-ġdid fl-1988, u aktar tard ġie appuntat Dekan tal-Fakultà tal-Arti. Fl-1985 u l-2005 kien fdat sabiex jaġġudika u jippresiedi l-Premju Commonwealth tal-Poeżija u l-Premju Commonwealth tal-Kittieba, rispettivament. Fl-2013 Massa ppubblika bijografija ta’ 900 paġna dwar Peter Serracino Inglott, PSI Kingmaker (Allied Publications). Ippubblika estensivament dwar l-Umaniżmu Rinaxximentali u l-Letteratura tal-Commonwealth, b’kontribuzzjonijiet seminali dwar il-kritika letterarja fl-oqsma Postkolonjali u l-istudji Shakespearjani.
Fid-diskors tiegħu għall-preżentazzjoni tal-premju, Massa stqarr li jħossu kuntent ħafna u sorpriż, iżda qal ukoll li l-premju nissillu sens ta’ modestja. Indirizza lill-kittieba żgħażagħ sabiex jaqraw ix-xogħol ta’ poeti kbar bħal Dun Karm u Dylan Thomas, kif ukoll ħeġġiġhom jiktbu spiss u jirrevedu xogħolhom.
Il-bilblijografija notevoli ta’ Daniel Massa: