Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2023


Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir qed iħabbar li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2023 iddeċieda u qabel dwar is-sottomissjonijiet rebbieħa għal din l-edizzjoni tal-Fond. Se jkunu qed jieħdu l-fondi sitta u għoxrin (26) proġett bejn proġetti ta’ pubblikazzjoni u oħrajn ta’ traduzzjoni.
L-għan ewlieni tal-għotjiet differenti fil-fond huwa li jissussidja proġetti għal kotba li għandhom valur kulturali imma jeħtieġu l-għajnuna minħabba diversi sfidi. Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu skont damma ta’ kriterji mfassla minn qabel, fosthom: il-valur kulturali u edukattiv tal-pubblikazzjoni proposta, l-udjenza mira u l-ingaġġ mas-suq tal-pubblikazzjoni.
Il-Bord tal-Aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2023 kien magħmul mis-Sur Keith Borg, minn Dr George Cassar, mis-Sa Sephora Francalanza, u minn Dr Karsten Xuereb. Dawn evalwaw l-applikazzjonijiet kollha skont kriterji stabbiliti bħas-saħħa tal-applikazzjoni, l-attwazzjoni tal-proġett u l-mertu kulturali. L-applikazzjonijiet jistgħu jirċievu fondi sħaħ jew parzjali.
L-aġġudikanti nnutaw li bħala regola l-applikazzjonijiet eliġibbli kienu mirfudin mid-dokumenti mitluba fir-regolamenti, u l-maġġoranza tal-applikanti daħlu f’dettal rigoruż. Madankollu rrimarkaw ukoll li numru ta’ applikazzjonijiet kellhom xi dokumenti ewlenn neqsin u għaldaqstant sofrew tnaqqis fil-marki li fissru wkoll marki baxxi. Spikkaw l-aktar id-dokumenti nieqsa f’dak li għandu x’jaqsam mal-pjan ta’ distribuzzjoni, it-tqassim u l-promozzjoni fil-proġetti tat-traduzzjoni, u f’xi oħrajn in-nuqqas ta’ ittra ta’ interess mingħand pubblikatur. L-aġġudikanti saħqu wkoll fuq l-importanza tat-tanġibbiltà tad-dokumenti sottomessi.
Sad-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet fil-5 ta’ Ġunju, il-Fond Malti tal-Ktieb 2023 irċieva tnejn u sebgħin (72) sottomissjoni eliġibbli mifruxa fil-fergħat differenti. Il-baġit totali kien ta’ €120,000, li nqasmu f’€50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda, €10,000 għall-Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa, €55,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni u €5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch.
Kull għotja tista’ twieżen sa 100% tal-proġett propost u sa massimu ta’ €5,000 f’kull fergħa, tneħħi dawk fl-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch, li jistgħu jingħataw sa €500 għal kull proposta. Sabiex jiġi assigurat li l-Fond iwieżen kemm jista’ jkun proġetti li jkun ħaqqhom u li l-flus jintużaw kollha, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriżerva d-dritt li jmexxi fondi mhux utilizzati minn fergħa għal oħra.
Importanti jiġi nnutat ukoll li jekk wieħed ma rnexxilux jikkwalifika għall-fondi f’din l-edizzjoni, jista japplika mill-ġdid bl-istess proġett jew bi proġett differenti meta terġa’ toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.
Il-KNK se jkun qed jikkuntattja lill-applikanti li ħadu l-fondi sabiex jiffirmaw il-kuntratt, li jagħtihom ċans sa massimu ta’ 18-il xahar sabiex ilestu l-proġett.
Il-proġetti rebbieħa skont il-kategorija tal-Fond, bl-isem tal-benefiċjarju u l-ammont mogħti tista’ tarahom mit-tabelli t’hawn taħt:
Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda*
*Xi fondi li ma kinux użati f’kategoriji oħrajn ġew trasferiti f’din
Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa
Għotjiet għat-Traduzzjoni Kat 1: Traduzzjoni ta’ Kotba Maltin
Għotjiet għat-Traduzzjoni Kat 2: Traduzzjonijiet għall-Malti*
*Xi fondi li ma kinux użati f’kategoriji oħrajn ġew trasferiti f’din
Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch