Skip to content

Segwi l-Ħjiliet u Skopri l-Istorja: Joħorġu l-programm u l-filmat tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb!

Image of Segwi l-Ħjiliet u Skopri l-Istorja: Joħorġu l-programm u l-filmat tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb!

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jinsab kburi biex jiżvela l-programm sħiħ u l-filmat promozzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru. Ara l-programm sħiħ hawnhekk.

Il-Festival, issa fis-47 edizzjoni tiegħu, huwa l-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-ktieb f’Malta. Huwa jlaqqa’ lill-pubblikaturi, lill-bejjiegħa tal-kotba, u lil imsieħba kulturali oħra għal esperjenza kulturali rikka u inklussiva li tolqot lil viżitaturi minn kull qasam tal-ħajja. B’aktar minn 40 esebitur u bi programm mimli attivitajiet, il-Festival jibqa’ wieħed mill-avvenimenti ewlenin fil-kalendarju kulturali Malti. Fl-2025, attira madwar 40,000 viżitatur – ċifra li hija mistennija tikber f’din l-edizzjoni tal-Festival.

Din is-sena, il-Festival għandu stedina waħda għal dawk li jżuruh: ‘Skopri l-Istorja’ bit-tema tad-ditektivs fl-identità viżiva li tidher fil-promozzjoni u fil-filmat promozzjonali tal-Festival. Il-filmat jippreżenta mikrostorja maħduma b’kollaborazzjoni ma’ Rupture Studio, li tintriga lill-viżitaturi prospettivi b’dinja ta’ misteru u tħeġġeġ lil kulħadd biex jiskopri dak il-ktieb perfett li donnu nħoloq apposta għalihom. Ara l-filmat hawnhekk.

Bi tkomplija mat-tema, wieħed mill-mistednin speċjali tal-Festival huwa Ian Rankin, il-kittieb Skoċċiż tal-ġjallesk famuż mad-dinja kollha, li l-karattru tiegħu tal-Ispettur Rebus jista’ faċilment jitqabbel ma’ karattri ikoniċi simili bħal dawk ta’ Salvo Montalbano, Philip Marlowe u Hercule Poirot. Rankin se jagħti masterclass fuq il-kitba tal-ġjallesk nhar il-Ħamis, 5 ta’ Novembru fis-19:00, u se jiġi intervistat mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, li huwa wkoll kittieb tal-ġjallesk, nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru fis-19:00. Wara din l-intervista, Rankin se jkun qiegħed jiffirma l-kotba tiegħu.

Fil-programm insibu wkoll lill-awtriċi rinomata Spanjola Esther García Llovet, li r-rumanzi tagħha ppubblikati bl-Ingliż – Spanish Beauty u Sánchez – għadhom jitfaħħru għat-titwila bla xinxilli li jagħtu lejn il-‘vera’ Spanja – mhux Spanja mil-lenti turistika. García Llovet se tiġi intervistata mill-artista interdixxiplinarja, produttriċi tal-films u riċerkatriċi Charlie Cauchi nhar il-Ħamis, 6 ta’ Novembru, f’diskursata li mistennija taqbad mar-rabta qawwija li tħoss l-awtriċi mal-postijiet, kif naraw fil-mod kif hija tesplora bliet bħal Madrid u Benidorm fil-finzjoni iżda b’sisien sodi fir-realtà, u mas-sens ċinematiku fl-istil narrattiv tagħha.

Il-Festival se jerġa’ jospita wkoll l-esebizzjoni From Illustration to Book b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Din se tkun il-ħames edizzjoni ta’ din l-esebizzjoni li saret parti integrali mill-Festival. Il-kollaborazzjoni hija tislima kkulurita u dinamika lejn id-disinn tal-kotba u l-illustrazzjoni bħala parti essenzjali tal-kultura letterarja tagħna.

Din is-sena, l-udjenzi se jkollhom ukoll iċ-ċans li jesperjenzaw ‘Stejjer li Qatt ma Qrawlek’ – sensiela ta’ adattamenti bl-awdjo ta’ xogħlijiet letterarji, maħluqa minn Teatru Malta b’kollaborazzjoni mal-KNK, filwaqt li l-kumpanija More or Less Theatre se ttella’ tliet adattamenti teatrali ta’ xogħlijiet magħrufin għall-qarrejja ż-żgħar.

Barra minn dan kollu, il-programm – li fih madwar 60 avveniment – jinkludi wkoll tnedijiet ta’ kotba, diskussjonijiet, workshops u ħafna aktar.

Qis li żżomm ruħek aġġornat/a billi ssegwi lill-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fuq Facebook, lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fuqInstagram, u billi tagħti titwila lill-paġna tal-Festival fuq is-sit tagħna hawnhekk 

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.