

Ray il-Qarrej, huwa l-ewwel karattru affaxxinanti minn erbgħa li se jidher fuq il-powster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ dis-sena! Ray jiekol il-kotba u jħobb jintilef f’dinja ta’ seħer. Ray, ta’ sajjied li hu, xempju ta’ wieħed li jissannar bil-kotba.
Ray qed jistedinna nogħdsu fil-fond ta’ baħar kbir mimli stejjer u ideat, baħar li qiegħed hemm biex jiġi skoprut bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 li għandu t-tema #kotbakitbauaktar. Għal darb’oħra, il-Festival iwiegħed li se jkun l-akbar ċelebrazzjoni tal-kotba u l-qari f’Malta. Dis-sena, il-Festival se jospita kważi 50 esebitur, b’kull wieħed minnhom joffri lill-qarrejja firxa mill-usa’ ta’ kotba minn pubblikaturi lokali u internazzjonali, kollha taħt saqaf wieħed.
Imma jekk ma tridux tistennew daqsant biex tiltaqgħu, ma’ Ray, ħsibna fikom. Das-sajf, Ray se jkun qed jiltaqa’ mat-tfal b’messaġġ divertenti fuq il-ħafna benefiċċji intellettwali u personal tal-qari waqt il-Fiera l-Kbira. Żuru l-ħanut tal-kotba miġjub lilkom mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fil-Fiera l-Kbira bejn is-6 u s-16 ta’ Lulju f’Montekristo Estate, is-Siġġiewi, u hemmhekk ikollkom iċ-ċans tiltaqgħu personalment ma’ Ray il-Qarrej jirrakkonta xi storja jew tnejn!
Ingħaqdu magħna l-Fiera l-Kbira u wara fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 biex niċċelebraw il-qawwa tar-rakkuntar tal-istejjer u r-relazzjoni sabiħa bejn il-kotba u midja oħra.
Għall-aħħar aġġornamenti dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb segwi s-sit tal-KNK, u l-paġni ta’ Facebook tal-KNK u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023.
L-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023