Fil-25 ta’ Jannar, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) żamm il-Laqgħa Annwali ta’ Konsultazzjoni mal-awturi u l-pubblikaturi, u matulha ħabbar id-dati tal-avvenimenti, l-attivitajiet u l-inizjattivi ewlenin għall-2025 – fosthom il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u l-Fond Malti tal-Ktieb.

Il-laqgħa serviet ukoll sabiex il-KNK jitkellem dwar żviluppi interessanti li ġejjin fl-2025 u li se jħallu effett li jibqa’. 

Il-Fond Malti tal-Ktieb żdied bi €15,000 mifruxin fuq tlieta mill-ħames kategoriji tiegħu. L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda telgħu għal €55,000 (minn €50,000), l-Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin żdiedu minn €40,000 għal €45,000, finalment l-Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti żdiedu b’€5,000 għal €20,000.

Il-massimu li jista’ jingħata għal kull proġett baqa’ l-istess bħas-sena l-oħra.

Il-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (PLR) żdiedu b’€20,000, biex issa l-fond totali huwa ta’ €80,000.

 Daż-żidiet huma xhieda tax-xogħol tal-KNK sabiex irawwem industrija letterarja sostenibbli u aktar b’saħħitha. 

Waqt il-Laqgħa Annwali ta’ Konsultazzjoni l-KNK aġġorna lill-imsieħba dwar l-iżviluppi relatati mal-istrateġija fuq ħames snin tal-KNK, li qed tissawwar b’kollaborazzjoni mal-kumpanija ta’ konsulenza KPMG. 

L-istrateġija titnieda fix-xhur li ġejjin wara li l-abbozz jgħaddi mill-proċessi u l-approvazzjonijiet meħtieġa. L-istrateġija se tkopri bejn l-2025 u l-2030, u se tissawwar bil-kontribuzzjoni wiesgħa tal-imsieħba fl-industrija tal-kotba Maltija, sabiex isservi verament ta’ gwida importanti għall-KNK.

It-tnedija tal-istrateġija se tiżżewweġ mat-tnedija ta’ identità viżiva għall-KNK, bi branding ġdid fil-logos u bidla mill-qiegħ fis-sit tal-KNK. Dan qed isir sabiex kollox ikun rifless ta’ evoluzzjoni fix-xogħol tal-KNK. 

Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet, Ta’ Qali. Iċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb skedata għas-26 ta’ Settembru.

L-esportazzjoni letterarja tema oħra important kemm għall-industrija lokali u anki għall-KNK, li dejjem jistinka sabiex ilaqqa’ lill-awturi u l-pubblikaturi lokali ma’ dawk barranin. Is-sena l-oħra sensilna l-ewwel katalgu ta’ drittijiet ta’ barra, u dis-sena se naġġornawh b’titli ġodda u noħduh magħna f’fieri barranin biex jitqassam ma’ msieħba internazzjonali. 

Il-kalendarju kulturali tal-KNK għall-2025 huwa ċelebrazzjoni waħda tal-letteratura Maltija mill-bidu tas-sena sal-aħħar tagħha. Ħerqanin sabiex niktbu kapitlu ieħor mal-imsieħba lokali tagħna.

IL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB

Ftuħ is-sejħa: 11 ta’ Frar
Għeluq is-sejħa: 27 ta’ Frar
Iċ-Ċerimonja: 26 ta’ Settembru

Aktar informazzjoni hawnhekk.

Fuq fuq

– 8 premji għall-Adulti u 6 għat-Tfal u ż-Żgħażagħ
– Konkors kompetittiv
– Aġġudikazzjoni indipendenti

Premju għal xogħol oriġinali: €4,000

Premju għal xogħol tradott (Terramaxka biss): €2,000

Premji speċjali: €4,000

Premju għall-pubblikaturi għal kull ktieb li jirbaħ: €1,000

IL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB

Id-dati: 5-9 ta’ Novembru

L-applikazzjoni għall-esebituri: 15 ta’ April sat-2 ta’ Mejju

Aktar informazzjoni hawnhekk.

IL-KONKORS TA’ LETTERATURA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Ftuħ is-sejħa: 22 ta’ Jannar

Għeluq is-sejħa: 5 ta’ Settembru

Iċ-Ċerimonja: 9 ta’ Jannar 2026

Aktar informazzjoni hawnhekk.



IL-LONDON BOOK FAIR

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jerġa’ jirrappreżenta lill-kittieba u lill-pubblikaturi Maltin waqt il-London Book Fair, li dis-sena se ssir bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu.

Fuq fuq:

 – Il-KNK se jippiċċja kotba lil pubblikaturi u aġenziji internazzjonali bis-saħħa tal-kalatalgu ta’ drittijiet ta’ barra;

 – Se jiltaqa’ ma’ kuntatti antiki u oħrajn ġodda, kif ukoll ma’ aġenziji sabiex jgħin f’negozjati ġodda

 – Se jmexxi seminar u sessjonijiet ta’ qari biex jippromwovi u jirriklama l-letteratura Maltija ma’ qarrejja u pubblikaturi barranin prospettivi.

IL-KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA DOREEN MICALLEF

Ftuħ is-sejħa: 13 ta’ Mejju

Għeluq is-sejħa: 14 ta’ Lulju

Aktar informazzjoni hawnhekk.

Fuq fuq: 

L-ewwel premju: €1,000

It-tieni premju: €500

It-tielet premju: €200

Aġġudikazzjoni indipendenti
– Poeżiji aġġudikati anonimament
– Konkors kompetittiv
– Għal poeżiji bil-Malti mhux itwal minn 36 vers

IL-FOND MALTI TAL-KTIEB

Ftuħ is-sejħa: 18 ta’ Marzu

Għeluq is-sejħa: 20 ta’ Mejju

Tħabbira tar-riżultati: 15 ta’ Lulju

Aktar informazzjoni hawnhekk.

Fuq fuq: 

Baġit annwali: €140,000

Fond massimu: €500–€5,000

 – Għal kotba fi stadju ta’ proġetti mhux ippubblikati
– Sussidju għal proġetti mhux kummerċjalment vjabbli
– Tweżin finanzjarju lil proġetti ta’ esportazzjoni u importazzjoni letterarja
– Tweżin finanzjarju biex ikunu ripubblikati kotba klassiċi Maltin
– Tweżin finanzjarju biex siltiet minn kotba lokali jinqalbu għall-Ingliż u jkunu ppiċċjati ma’ pubblikaturi internazzjonali
– Aġġudikazzjoni indipendenti

JEDDIJIET TAS-SELF PUBBLIKU (PLR)

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu s-sena kollha.

Fuq fuq:

Baġit annwali: €80,000

Ħlas massimu f’sena għal kull awtur: €5,000

– Il-ħlas japplika għall-awturi, koawturi, illustraturi, fotografi, u edituri skont kemm-il darba jissellfu l-kotba tagħhom.

– Ħlas maħruġ kull tliet xhur

– Skema estiża għal kotba mislufa mil-Librerija tal-Università ta’ Malta (ISBNS lokali) – maħruġ kull sena

– Fondi allokati għal kull perjodu li jinqasmu bil-perċentwal skont l-istatistika tas-self

ISBN u ISMN

Applikazzjonijiet milqugħa s-sena kollha

Il-formola tal-applikazzjoni u aktar informazzjoni hawnhekk.



Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – X’inhu xogħolna?

– norganizzaw avvenimenti nazzjonali u internazzjonali, minn uħud żgħar sa oħrajn kbar: il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus;

– naġixxu bħala aġenzija letterarja għall-awturi u l-pubblikaturi f’fieri tal-kotba barra minn Malta;

– norganizzaw konkorsi letterarji;

– namministraw il-ħlasijiet tal-jeddijiet tas-self pubbliku (PLR), u l-ISBN u l-ISMN;

– nikkordinaw, niffaċilitaw, u nissussidjaw proġetti lokali u ta’ esportazzjoni letterarja (Il-Fond Malti tal-Ktieb);

– namministraw fondi awdjoviżivi għal produzzjonijiet ta’ kotba relatati mal-letteratura


Share Article