Il-KNK huwa l-awtorità uffiċjali tal-ISBN (Standard Internazzjonali tan-Numri tal-Kotba) f’Malta. Permezz tal-ISBNs, il-KNK jista’ jibni ġabra tal-kotba kollha li ġew ippubblikati.  Sa l-aħħar ta’ Diċembru 2006, ISBNs kienu jiġu maħduma fuq 10 numri, iżda mill-1 ta’ Jannar 2007 l’hawn in-numru beda jinħareġ bi 13. L-ISBNs jiġu kkalkulati b’formola matematika speċifika u jinkludu  ċ-check digit li jħoll u jorbot il-validità tan-numru.

L-ISBN huwa essenzjalment numru li bih il-pubblikatur, il-bejjiegħ tal-kotba, il-librar, l-bejjiegħ ta’ kotba mill-internet u entitajiet oħra li jaħdmu fil-qasam tal-kotba jistgħu jagħrfu l-ktieb partikolari għal skopijiet ta’ bejgħ, listi u rekords. In-numru jispeċifika r-reġistrant kif ukoll it-titlu, l-edizzjoni u l-format tal-istess ktieb.

Il-Pubbikatur huwa il-persuna li għandu japplika għall-ISBN – u b’pubblikatur, f’dan il-każ nifmhu: grupp, organizazzjoni, kumpanija jew individwu responsabbli li jagħti bidu għall-produzzjoni tal-pubblikazzjoni. Normalment dan ikun il-persuna jew l-entità li se ġġor l-akbar responsabbiltà u tieħu r-riskju finanzjarju fil-proċess. Normalment dan ma jkunx l-istampatur, biss f’ċerti każi, jaf ikun l-awtur stess li japplika għall-ISBN bħal meta l-awtur jiddeċiedi li jippubblika għal rasu.

Il-KNK jieħu ħsieb li l-ISBNs kollha qegħdin jinħarġu skont l-istandards u l-obbligi internazzjonali. Bħalissa l-ISBNs kollha qegħdin jiġu rreġistrati u kull numru jsegwi sekwenza.

ISBN jista’ jinħareġ biss meta l-klijent jipprovdi lill-KNK id-dettalji tal-ktieb li jkun se juża n-numru. Id-dettalji li jridu jiġu pprovduti huma t-titlu, l-awtur, il-format, il-pubblikatur u s-sena tal-pubblikazzjoni tal-ktieb. Klijent jista japplika għal numru jew sett ta’ numri mingħajr ma jipprovdi d-dettalji msemmija, imma n-numru jew numri jkunu jistgħu jinħarġu biss meta d-dettalji neċċessarji jkunu pprovduti. Din il-proċedura tiggarantixxi li n-numri li jinħarġu jkollhom sekwenza.

L-applikanti għan-numri tal-ISBN għandhom jinnutaw li tfasslet formola ta’ applikazzjoni ġdida, u taħt il-titlu ‘Product Format’ wieħed irid jispeċifika l-format tal-fajl fil-każ ta’ ktieb elettroniku (E-book). Din l-informazzjoni hija neċessarja kull meta timtela applikazzjoni għal ktieb elettroniku. Dan huwa importanti peress li l-ISBN jidentifika kemm ix-xogħol kif ukoll il-format. Jiġifieri l-istess xogħol f’format differenti għandu jkollu ISBN differenti.

Tista’ tapplika billi timla din il-formola.

Aqra bir-reqqa l-Manwal għall-Utenti tal-ISBN billi tniżżlu minn hawn.

Ġentilment mitlub tinnota li mill-1 ta’ Jannar 2020 l-ISBNs u l-ISMNs saru bla ħlas. Idħol hawnhekk għal aktar informazzjoni.