Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir jiżvela l-powster uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024, li dis-sena se jsir bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru, fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet, l-MFCC, Ta’ Qali.

Il-powster, illustrat mill-bravu Ed Dingli, huwa rappreżentazzjoni viżiva mill-aqwa ta’ #dinjietjirrimaw, it-tema tal-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Festival, l-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-kotba f’Malta.

“Għalina l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-ktieb jinsab fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu – sija fis-sapport lill-awturi, lill-pubblikaturi u lil dawk imdaħħlin fil-proċess tal-ħidma tal-kotba, u sija meta norganizzaw avvenimenti pubbliċi kbar bħall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li huwa tant għal qalbna u li jlaqqa’ lill-qarrejja mad-dinja vibranti tal-kotba”, qalet Simona Cassano, Direttriċi tal-Festival.

“Il-powster ta’ Ed Dingli jeleva s-sengħa u d-dedikazzjoni wara kull ktieb – mill-bosta jdejn li jmissu miegħu sal-varjetà ta’ qarrejja li jispira u jingaġġa. Il-Festival joħloq spazju uniku fejn dawn l-elementi differenti jiltaqgħu f’armonija, u dan se joffri lill-viżitaturi ċ-ċans ta’ ħarsa mill-qrib, kważi intima, lejn it-traġitt kreattiv li jibda mill-awtur u jispiċċa fil-qarrej”, żiedet Cassano.

Mogħti l-ħajja mill-firma tal-artist – li jirnexxilu jkun kemm lagħbi bl-istil iżda wkoll ġeometrikament metikoluż – il-programm eklettiku tal-Festival huwa espress b’saħħa mill-istil viżiv u eleganti ta’ Dingli. Iqanqal sensazzjoni ta’ tiftix u qabża fil-mhux magħruf lil dawk il-qarrejja li jkunu se jiftħu ktieb ġdid, jew lil dawk il-kittieba fis-sengħa tal-kitba, inkella lil dawk l-artiġjani u l-produtturi tal-kotba bħala oġġett fiżiku. Il-ktieb huwa mpoġġi quddiemna bħala dik il-bażi ta’ forom artistiċi u midja differenti, li jibqa’ jappella għal persuni differenti.

B’hekk il-powster jesprimi dawn l-erba’ ‘dinjiet’ li se jitwaħħdu f’Novembru waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Fil-Festival se ssibu:

 

Bozza fuq l-Awturi – Idħol f’Univers Letterarju li jsorr fih awturi stilel, kemm lokali u anki internazzjonali. Kull viżitatur se jkun mistieden jesplora dawn l-universi ta’ xogħlijiet letterarji famużi.

 

Zona ta’ Interazzjoni mal-Kotba – Il-Festival iwiegħed esperjenza immersiva għal kulħadd bis-saħħa ta’ workshops interattivi, xows teatrali li jżommuk, u attivitajiet apposta għal qarrejja żgħar u udjenzi mill-iskejjel.

 

Laboratorju Kreattiv tal-Kotba – Esperjenza bl-idejn fuq il-post, attivitajiet u avvenimenti dwar l-arti tal-ħolqien tal-kotba u l-espressjoni kreattiva.

 

Il-Qalba ta’ Ċelebrazzjoni ta’ Ġeneri Letterarji– Fil-Festival se jkun hemm esebiti kotba ta’ kull stil u ġeneru li se jolqtu l-interessi u l-preferenzi ta’ qarrejja differenti, waqt li jiċċelebraw l-ispettru wiesa’ tal-letteratura.

Bosta mill-elementi li jsawru l-powster ta’ dis-sena dehru mxerrdin f’kampanja promozzjonali tul dawn l-aħħar ġimgħat, li seħħet bis-saħħa ta’ kif Ed Dingli bħala l-illustratur u Sarah Cachia Falzon bħala d-disinjatriċi grafika resqu lejn ix-xogħol afdat lilhom. L-illustrazzjoni se tforni wkoll l-elementi meħtieġa sabiex isir filmat animat minn Kyle Xuereb Cunningham, li ntgħażel wara sejħa pubblika.

Ingħaqdu magħna għal ċelebrazzjoni tal-letteratura u l-kreattività waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024! Għal aktar dettalji ibqgħu segwuna fuq ktieb.org.mt u mill-paġna Facebook tal-Malta Book Festival u l-Instagram tal-KNK.


Share Article