Konkors Nazzjonali tal-Poeżija: ir-Rebbieħ tas-sena li għaddiet


Il-Konkors Nazzjonali ta’ Poeżija Mons. Amante Bountempo, imwaqqaf minn Għaqda Poeti Maltin b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, huwa inizjattiva relattivament ġdida li ġiet imtella’ għall-ewwel darba is-sena li għaddiet. It-tħabbira tal-poeżiji rebbieħa u ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet huma fost l-avvenimenti mħejja għall-Jum tal-Poeżija tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li din is-sena se jseħħ nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru.
Hemm tliet premjijiet li jistgħu jintrebħu – l-ewwel, it-tieni u t-tielet premju. Fl-ewwel edizzjoni tal-Konkors, is-sena li għaddiet, Louis Briffa rebaħ l-ewwel premju bil-poeżija tiegħu Falco Peregrinus u t-tielet premju bi Storja Antika. It-tieni premju intrebaħ minn Paul P. Borg b ‘… binti Ażil …
Tista’ taqra l-poeżija rebbieħa hawn taħt. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda Poeti Maltin jistiednu lill-poeti kollha biex jipparteċipaw fil-Konkors ta’ din is-sena billi jniżżlu u jimlew l-applikazzjoni, li tagħlaq fl-4 ta’ Settembru 2017. L-applikanti jistgħu jniżżlu u jaqraw il-kriterji u r-regolamenti minn din il-ħolqa.
FALCO PEREGRINUS
Ingarġi l-hena tiegħi minn ħalq ta’ rdum jirbombja
fejn it-tifqigħ tedjanti tal-buful ma jeżistix.
Bil-granfi ta’ difrejja ganċ maz-zokk imqabbdin sewwa
ma tlumunix jekk b’ħarsti niskrutinja kull moviment ta’ dinja fraġli taħti.
Perfett inħloqt b’erodinamika tbikkem l-opponenti, b’għajnejja teleskopi niffidin.
Hekk kif inqum imniegħes nerdagħhom tas-sebħ il-bżieżel vermiljun.
Niżżarġan b’rixi jsaħħar (li ħadu ż-żmien biex saru)
u nfarfarhom min-nida żibeġ żibeġ kristallin.
Rispett u ħajr għad-disk ġgantesk fuq rasi rroddhom bir-rabass…
Bħal iben Dedalu ma taħtafnix ix-xemx b’nifisha kaċċatur.
Imnieġel aġli l-ġwienaħ ma’ denbi ‘l ġew nilwihom, u ntaħħat lil saqajja mlebilbin.
Nissaltja noftoq l-arja reżistenti.
Bħal dell spettrali naqa’ b’apprensjoni.
Veloċità feroċi nilħaq li ‘l isfel issabbatni.
F’korteo sħab imgħabbar, f’nebbja twaħħax…b’teptipet il-membrana
Il-vista tibqa’ ċara, bil-priża tidher akbar kull sekonda.
L-ispid tisfida l-ħin ma joqtolnix.
Tuberk’l i żgħar għadmija fuq minħari jgħinuni nieħu n-nifs f’kull għadsa ‘l isfel.
Atletiku jien u pellegrin fatali.
Spettakolari l-mewt li noffri f’nofs is-sema
jisfronda bil-minaċċja xkattata u sfiqa tiegħi, li ddarras lid-dgħajfin.
Pristin l-istil tad-daqqa b’difrejja ponn li taf tikkawża t-tmien tat-tajr magħżul, jew tistordih.
‘Kk bid-daqqa kalkulata ma jmutux
Bit-talja ta’ munqari m’nn għonqhom naqta’ l-kolonna vertebrali bla rimors.
B’demmhom qabbież u b’dgħifhom nutrittiv jitrejqu l-frieħ u jien.
F’kolonja tal-mejtin inħalli l-fdal tal-prejjeż smien.
B’kirurgu ta’ demm biered u preċiż li tama ma joffrix, hekk iżommuni.
Tafuni ukoll b’renjant vendikatur u persistenti ta’ qtil Osiris lili.
Sa mill-iżmna sfumati ta’ lil hinn, fil-ħolma imqalleb tiegħi
sajjetta xtaqtni kont li tagħlaq l-aħħar xaqq tal-kreazzjoni!
Louis Briffa, 2016