Skip to content

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 waqt ċerimonja fil-Kastell Verdala

Image of Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 waqt ċerimonja fil-Kastell Verdala

Illejla tħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – għal kotba ppubblikati fl-2024 – waqt ċerimonja speċjali li saret fil-Kastell Verdala taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jittella’ kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u l-kotba rebbieħa jintgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti wara proċess rigoruż ta’ evalwazzjoni.

Il-kotba magħżula tal-lejla kellhom kummenti ta’ tifħir għall-oriġinalità, il-profondità tematika, u s-saħħa teknika. Skont il-membri tal-ġurija, l-aħjar kontestanti mill-finalisti rnexxielhom iżewġu ir-rigorożità intellettwali mal-qawwa emozzjonali, u ġibdu lilhom bħala qarrejja f’dinjiet aċċessibbli li messew ma’ temi soċjali pressanti, mal-istorja, u mal-isfidi kulturali.

Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn lista finali ta’ 23 titlu, li minnhom infushom kienu ntgħażlu minn lista oriġinali ta’ 149 ktieb sottomess fi tnax-il kategorija: 86 fil-kategoriji tal-adulti u 63 fil-kategoriji tat-tfal u ż-żgħażagħ, magħruf ukoll bħala l-Premju Terramaxka. Għat-tielet sena konsekuttiva, il-KNK ippremja addizjonalment lil kull pubblikatur ta’ ktieb rebbieħ bis-somma finanzjarja ta’ €1,000.

Minbarra l-attenzjoni li jirċievi kull ktieb bir-rebħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u l-viżibbiltà li jieħu bil-kampanji ta’ promozzjoni li jiġu wara – kemm b’mezzi tradizzjonali u anki b’mezzi soċjali – dis-sena l-KNK żied il-promozzjoni tar-rebbieħa waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Waqt dan l-avveniment, il-kotba se jiġu promossi b’illustrazzjonijiet u stampi li jiġbdu l-attenzjoni tal-viżitaturi kollha li jattendu.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri rrifletta dwar l-irwol tal-Premju fir-rikonoxximent tal-aktar xogħlijiet sinjifikanti ta’ letteratura Maltija, kif ukoll dwar l-imbuttatura li jagħti lill-industrija. Elenka inizjattivi ewlenin tal-KNK, fosthom il-Fond Malti tal-Ktieb li dis-sena ffinanzja 31 proġett, ngħidu aħna l-ewwel ġabra ta’ novelli Maltin li se tkun ippubblikata fil-Ġappun.

Fil-messaġġ tagħha, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta, tkellmet dwar il-letteratura Maltija bħala element li jsawwar il-poplu Malti u Għawdxi, u aċċennat l-importanza li l-letteratura Maltija tkun imħarsa u msaħħa, b’mod speċjali fl-isfond tal-isfidi ġodda li l-lingwa Maltija tiffaċċja llum il-ġurnata.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, l-Innovazzjoni u r-Riċerka, l-On. Clifton Grima, faħħar il-Premju u qal li huwa riga tajba ħafna ta’ kwalità għall-qarrejja f’dak li għandu x’jaqsam kotba ppubblikati Malta. Qal li l-kalibru nnutat fil-kotba ta’ dis-sena jpoġġihom fl-istess livell ma’ dak li qed jiġi ppubblikat barra minn Malta, fuq livell Ewropew. Irringrazzja lill-KNK tax-xogħol tiegħu lejn il-professjonaliżmu fl-industrija, u għall-inizjattivi tiegħu li jkabbru l-viżibbiltà tax-xogħol letterarju Malti kemm hawnhekk imma anki internazzjonalment.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-membri tal-bord tal-aġġudikanti ta’ dis-sena, li kienu Rachel Baldacchino, Kristy Borg, Sandro Debono, Ramona Depares, Giuliana Fenech, Francesco Grech, Omar N’Shea, Michael Refalo, u Kyle Xuereb Cunningham.

Ringrazzjament speċjali jmur għand Margaret Callus minn Malta Libraries li evalwat il-klassifikazzjoni ta’ kull ktieb sottomess fil-kategorija tiegħu.

IL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB GĦALL-ADULTI 2025

RUMANZI

It-Togħma Morra taċ-Ċiċri ta’ Noah Fabri (Merlin Publishers)

NOVELLI

Ma ntgħażlux finalisti

POEŻIJA

SOMNVM ta’ Glen Calleja (Il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti)

DRAMMI

It-Teatru tal-Miskin ta’ Luke Saydon (Saydon Studio)

PROŻA FITTIZJA TRADOTTA

Il-Kelb tat-Terrakotta (Andrea Camilleri) ta’ Antoinette Borg (Merlin Publishers)

LETTERATURA MHUX FITTIZJA

Ma ntgħażlux finalisti

RIĊERKA

“So We Can Do Our Best.”: Care in Children’s Relationships with Teachers ta’ Mary Darmanin (Malta University Press)

RIĊERKA STORJOGRAFIKA

Bread & Bakers in Eighteenth-Century Malta ta’ Noel Buttigieg

PREMJU GĦALL-AQWA PRODUZZJONI TA’ KTIEB

Midsea Books għal VÁH ta’ Immanuel Mifsud

PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA

Anton Grasso

PREMJU TA’ RIKONOXXIMENT GĦAL ILLUSTRATUR

Naomi Gatt

IL-PREMJU TERRAMAXKA GĦAT-TFAL U Ż-ŻGĦAŻAGĦ 2025 

KOTBA GĦAT-TFAL (ETAJIET 0-7)

Glenda u l-Magna tal-Granita ta’ Claudia Aloisio, Nathalie Micallef (ill.) (Klabb Kotba Maltin)

KOTBA GĦAT-TFAL (ETAJIET 8–12)

Ulied il-Wied ta’ Ben Agius, Luca Azzopardi (ill.) (Horizons)

LETTERATURA GHAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Shadow Woods ta’ Roberta Bajada (Merlin Publishers)

KOTBA MAQLUBIN GĦALL-MALTI (ETAJIET 0-7)

Ma ntgħażlux finalisti

KOTBA MAQLUBIN GĦALL-MALTI (ETAJIET 8-12)

Ma ntgħażlux finalisti

LETTERATURA GHAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TRADOTTA

Ma kienx hemm sottomissjonijiet

PREMJU GĦALL-AQWA PRODUZZJONI TA’ KTIEB

Merlin Publishers għal Jekk Taqbad id-Dawl ta’ Clare Azzopardi, ill. Matt Stroud

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.