Skip to content

Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Image of Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed joħroġ sejħa għall-kumpaniji teatrali, għaqdiet, jew drammaturgi indipendenti, li huma interessati sabiex itellgħu produzzjonijiet teatrali għal fuq l-istejġ waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026, imnebbħa minn kotba Maltin.

Il-Festival ta’ dis-sena se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru l-MFCC, Ta’ Qali. Dan l-avveniment huwa l-akbar wieħed f’Malta u Għawdex li jiċċelebra l-ktieb, iżda l-kultura letterarja hija promossa wkoll permezz ta’ forom artistiċi oħra li allura jagħmlu lill-Festival punt importanti fil-kalendarju kulturali Malti, kemm għall-pubbliku ġenerali u anki għall-professjonisti fl-industrija tal-kotba. Wara attendenza rekord fl-2025, dis-sena qed nimmiraw li nilħqu l-50,000 viżitatur tal-Festival, kollha minn viji differenti tal-ħajja.

Dawk il-produzzjonijiet li jintgħażlu jiddaħħlu fi programm kulturali kkurat li l-għan tiegħu hu li jixgħel bozza fuq ir-relazzjoni bejn il-letteratura u l-arti performattiva, sabiex l-udjenza tiltaqa’ mal-kelma miktuba bis-saħħa ta’ interpretazzjonijiet teatrali ta’ kwalità.

Din l-Espressjoni ta’ Interess miftuħa għal produzzjonijiet li jkunu diġà lesti biex jittellgħu. Dawk il-produzzjonijiet teatrali ispirati minn kotba b’ISBN Malti biss se jiġu kkunsidrati, u x-xogħol irid ikun preżentabbli f’kuntest ta’ festival. Il-KNK se jkopri l-ispejjeż tekniċi kollha tal-produzzjoni, iżda dawn iridu jkunu mirfuda minn rendikont baġitarju sodisfaċenti u dokument bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa (rider).

Il-linjigwida u r-regolamenti kollha tista’ ssibhom hawnhekk.

Min hu interessat jista’ jissottometti l-applikazzjoni tiegħu sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Mejju f’nofsinhar. L-applikazzjonijiet jiddaħħlu kollha minn Submittable biex jitqiesu eliġibbli.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.