Skip to content

Il-kittieb Skoċċiż ta’ fama internazzjonali Ian Rankin għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’26

Image of Il-kittieb Skoċċiż ta’ fama internazzjonali Ian Rankin għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’26

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir kbir iħabbar li l-kittieb bestseller tal-kitba ġjalleska Ian Rankin se jkun wieħed mill-mistiedna speċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026, li dis-sena se jsir bejn l-4 u t-8 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

L-għażla tiegħu tixraq mal-ispirtu ta’ skoperta u investigazzjoni li janimaw it-tema tal-edizzjoni ta’ dis-sena – Skopri l-Istorja! Rankin jista’ jitqies bħala wieħed mill-protagonisti ewlenin ta’ dan il-ġeneru, u l-karattru tiegħu l-Ispettur Rebus iħabbatha ma’ oħrajn bħal Salvo Montalbano, Philip Marlowe, u Hercule Poirot.

Rankin twieled fir-Renju ta’ Fife fl-1960, u ggradwa mill-Università ta’ Edinburgh fl-1982. Qatta’ tliet snin jikteb ir-rumanzi meta suppost kien qed jistudja għal Dottorat fil-Letteratura Skoċċiża.

L-ewwel rumanz li qatt kiteb, Summer Rites, baqa’ manuskritt sal-ġurnata tal-lum, iżda t-tieni wieħed tiegħu, The Flood, kien ġie ppubblikat fl-1986. L-ewwel xogħol bl-Ispettur Rebus, Knots & Crosses, ġie ppubblikat fl-1987 u minn hemmhekk is-serje ta’ dan l-ispettur famuż inqalbet f’21 lingwa u l-kotba tagħha kisru rekords ta’ bejgħ mad-dinja kollha. Barra minn din u s-serje ta’ Malcolm Fox, Rankin kiteb rumanzi oħra, ġabriet ta’ novelli, rumanz grafiku, żewġ drammi, u ktieb ta’ letteratura mhux fittizja, Rebus’s Scotland (2005).

Rankin irċieva l-grad ta’ Uffiċjal tal-Ordni tal-Imperu Brittaniku (OBE) għax-xogħol tiegħu fil-letteratura, u għażel li jilqa’ dal-premju fil-belt ta’ Edinburgh fejn jgħix ma’ martu u ż-żewġ uliedu subien.

Waqt il-Festival Nazzjonali tal-ktieb, Rankin se jmexxi masterclass fuq il-kitba ġjalleska nhar il-Ħamis 5 ta’ Novembru fis-7pm. F’‘Why Crime Fiction Is Good For You’, l-awtur se jispjega kif dal-ġeneru u l-karattri tiegħu saru parti minnu, u kif jirnexxilu jikteb kotba li jsiru bestsellers.

Rankin se jkun intervistat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, li wkoll jikteb kotba ġjalleski u tad-ditektiv, nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru fis-7pm. Hawnhekk se jitkellem dwar l-istorja twila tiegħu ma’ dan il-ġeneru, u wara l-intervista jkun hemm sessjoni ta’ ffirmar ta’ kotba.

Iż-żewġ attivitajiet se jsiru fis-Sala tal-Kittieba u huma bla ħlas. Madankollu trid tirreġistra l-attendenza tiegħek minn Submittable.

“Il-preżenza ta’ Rankin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tista’ titqies bħala kisba oħra għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb”, qal Camilleri meta kien qed jikkummenta dwar l-aħbar. Irrefera għal awturi oħra li fil-passat għamlu lill-Festival attività ċelebri fil-kalendarju kulturali Malti: Samantha Harvey, Paul Lynch, Jeff VanderMeer, Irvine Welsh, Salman Rushdie u Naomi Klein, fost oħrajn.

Camilleri żied jgħid li bħala KNK kull sena naraw li l-pubbliku jkollu ċ-ċans jiltaqa’ u jitkellem ma’ wħud mill-aqwa ilħna letterarji fid-dinja fi spazju li jilqgħek u aċċessibbli. Semma wkoll is-sessjonijiet fejn il-kittieba bbażati Malta jkunu jistgħu jtejbu s-sengħa tagħhom waqt masterclases b’xejn, kif ġara fil-passat ma’ kittieba bħal Jeff Vandermeer u Anthony Horowitz, fost oħrajn.

Fil-ġimgħat li ġejjin jitħabbru aktar aġġornamenti. Ibqgħu segwu l-paġni Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll il-paġna Instagram. Żuru wkoll is-sit tal-KNK.

Għalkemm l-attendenza għall-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ’26 hija b’xejn, trid tirreġistra post abbażi ta’ min japplika l-ewwel jinqeda l-ewwel. Biex tirreġistra żur hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.