Home / News / Alfred Sant: Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba 2019 back to news Alfred Sant: Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba 2019 Inizjattivi • Other • Premju Nazzjonali tal-Ktieb 6th February, 2020 Dr. Alfred Sant huwa r-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba, premju prestiġġjuż li jirrikonoxxi karriera ta’ ħidma letterarja u xogħol fil-qasam tal-kotba. Il-Premju ġie deċiż li jmur għand Sant għall-irwol li kellu fl-arrikkiment tal-letteratura u s-soċjetà Maltija, u jiċċelebra ħajja ta’ ħidma tul il-ħajja, mhux biss f’termini ta’ xogħol letterarju, iżda wkoll għall-kontribut fil-qasam tal-istudju letterarju, fl-edukazzjoni ta’ komunitajiet lokali u għat-trawwim tal-kultura letterarja lokali. Ftit oħra jugwaljaw il-kontribuzzjoni ta’ Sant għal-letteratura u l-politika, mifhumin hawnhekk bħala attivitajiet minsuġa flimkien. F’karriera letterarja twila u distinta, Sant kiteb lista twila ta’ pubblikazzjonijiet fosthom rumanzi, novelli u drammi, kif ukoll kitbiet ta’ natura akkademika, soċjali, politika u awtobijografika. Dawn ix-xogħlijiet rebbħuh il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet f’kategoriji differenti. Sant twieled fl-1948 u ggradwa b’Baċellerat u Maġisteru fil-Fiżika mill-Università ta’ Malta fl-1968. Studja l-Amministrazzjoni Pubblika u d-Diplomazija fl-Institut International d’Administration Publique (I.I.A.P.) f’Pariġi. Bejn l-1970 u l-1975 ħadem bħala Second Secretary u First Secretary u speċjalizza fl-affarijiet Ewropej u fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent, u fil-Missjoni ta’ Malta mal-Komunità Ekonomika Ewropea fi Brussel. Ħalla s-servizz diplomatiku biex jaqra għall-Maġisteru fl-Amministrazzjoni tan-Negozju mill-Università ta’ Boston fl-1976 u Dottorat fl-istess suġġett mill-Harvard Business School fl-1979. L-ewwel xogħol letterarju ta’ Sant, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968), kitbu meta kellu 19-il sena u llum huwa meqjus bħala ktieb importanti tal-perjodu letterarju modern f’Malta li jimmarka t-twelid tar-rumanz kontemporanju Malti. La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001) kien rumanz seminali ieħor mill-pinna ta’ Sant. Ir-rumanz epiku jirrakkonta l-vjaġġi tal-Kavallier Del Rio fl-Ewropa u fil-Lvant Imbiegħed qabel ma jiġi Malta biex ifittex komunità ta’ eremiti jgħixu fl-għerien f’Ħal Miskat, li tkun qed issofri l-inġustizzji ta’ soċjetà intolleranti. Ir-rumanz ġie deskritt miIl-poeta Mario Azzopardi bħala “volum penetranti u viċin l-intuwizzjoni taċ-ċiviltà nazzjonali skont l-onestà tal-impenn ta’ awtur serju”, u ssuġġerixxa li għandu jkun fil-librerija ta’ kull min hu interessat f’letteratura Maltija serja bħala dokument storiku u kulturali li jiffoka fuq l-implikazzjonijiet soċjopolitiċi li ċ-ċittadin ikollu jħabbat wiċċu magħhom. Il-karriera prolifika ta’ Sant bħala rumanzier imxiet biswit oħra ta’ drammaturgu. F’ L-Istudji Kritiċi Miġbura: L-Ewwel Volum, Oliver Friggieri jinkwadra lil Sant fl-isfera ta’ drammaturgi Maltin li mhux biss fetħu toroq ġodda fuq il-kitba bil-Malti, iżda aktar importanti qabżu l-limiti dojoq tal-letteratura tal-preġudizzji, internazzjonalizzaw it-temi trattati u daħlu direttament fl-arena politika tali mod li affettwaw ukoll l-istrutturi politiċi u kulturali tal-pajjiż. Qabel Tiftaħ l-Inkjesta u Drammi Oħra ġie ripubblikat fl-2015 u fih wieħed mill-aktar drammi politiċi mir-repertorju tiegħu. Sant serva bħala editur tar-rivista provokattiva Ferment fis-snin sittin, tal-magazine ta’ kull xahar Tomorrow (1982-1984), tal-magazine Society (1989-1992), u kien editur parteċipanti fir-rivista letterarja bil-Malti ta’ kull tlitt xhur NEO (1989-1991). Bejn l-1978 u l-1992, Sant kien il-korrispondent minn Malta għall-Economist Intelligence Unit, u bejn l-1986 u l-1992 korrispondent għal The European Review. Barra milli kkontribwixxa bi studji u artikli għal numru ta’ pubblikazzjonijiet, kien regolarment jikteb artiklu ta’ kull ġimgħa fil-Malta News (1979-1988), f’ It-Torċa (1983-1988, 1996-2008), fit-Times of Malta (1999-2008) u preżentament f’The Malta Independent. Beda jinvolvi ruħu fil-politika fl-1982, l-ewwel bħala Kap tad-Dipartiment tal-Informazzjoni tal-Partit Laburista, u daħal fil-Parlament ta’ Malta fl-1987 meta ġie elett Mexxej tal-Partit Laburista (1992-2008) u Kap tal-Oppożizzjoni. Bejn l-1996 u l-1998 serva bħala Prim Ministru ta’ Malta u ġie elett bħala Membru tal-Parlament Ewropew fl-elezzjonijiet tal-2014 u l-2019. Il-ħajja u l-kitba ta’ Dr. Alfred Sant se jiġu ċċelebrati b’avveniment imħejji apposta waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020, li matulu l-pubbliku se jkollu ċ-ċans isir jaf lir-rebbieħ ta’ dal-premju prestiġġjuż aktar mill-qrib. Pubblikazzjonijiet Rumanzi L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968, 1996, 2018) Bejgħ u Xiri (1981, 1999) Silġ fuq Kemmuna (1982, 2005) La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001, 2014) L-Għalqa tal-Iskarjota (2009) The Iscariot Field (2011) Bħal f’Dizzjunarju (2011) George Bush f’Malta (2013) Novelli Kwart ta’ Mija (1995) Pupu fil-Baħar – Rakkonti u Divertimenti (2009) Ċpar – Aktar Rakkonti u Divertimenti (2013) Western – Bejn Rakkonti u Divertimenti (2016) Drammi Min Hu Evelyn Costa? – u drammi oħra (1979, 1982, 1993) Fid-Dell tal-Katidral u drammi oħra (1994) Qabel Tiftaħ l-Inkjesta u drammi oħra (1999, 2015) Balzunetta Towers (2017) Xogħlijiet oħra L-Impenn għall-Bidla (1986) It-28 ta’ April – Il-Ħobż u l-Ħelsien (1988) Malta’s European Challenge (1995) Confessions of a European Maltese (2003) Is-Soċjaliżmu fi Żminijietna (2004) Malta u l-Ewro / & the Euro (2012) Perspettivi / Perspectives (2012) Malta u l-Ewro / & the Euro – 2 (2015) Malta u l-Ewro / & the Euro – 3 (2017) [add_posts category=book-prize-en show=100] SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More