Home / News / Il-Festival Nazzjonali Tal-Ktieb 2021: L-Awturi u l-Attivitajiet Ewlenin back to news Il-Festival Nazzjonali Tal-Ktieb 2021: L-Awturi u l-Attivitajiet Ewlenin Festivals • Other 25th August, 2021 Il-preparamenti għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 3 u l-Ħadd 7 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali, issa qabdu ġmielhom. Mindu x-xahar l-ieħor tħabbar il-mistieden internazzjonali ta’ din l-edizzjoni, il-kittieb Skoċċiż ta’ fama internazzjonali Irvine Welsh, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb baqa jħabrek sabiex jirritorna bi programm in persona għall-Festival fuq ħamest ijiem, miżgħud b’attivitajiet li jiċċelebraw il-ktieb u l-qari għal nies ta’ kull età. Il-programm, li se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin, se jinkludi tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, laqgħat mal-awturi, gruppi ta’ ħidma, diskussjonijiet tematiċi, premieres ta’ films, kif ukoll damma ta’ attivitajiet għat-tfal li numru minnhom se jkunu qegħdin jixxandru wkoll online. Il-Premju Terramaxka jiftaħ il-Festival u x-xows għat-tfal L-akbar ċelebrazzjoni tal-kotba f’Malta tipprovdi wkoll lill-ġenituri, żgħażagħ, u tfal ta’ kull età b’laqgħa unika mal-għana tal-kotba ta’ madwarhom. Numru ta’ avvenimenti u inizjattivi, inkluż l-għoti ta’ vawċers għall-kotba lit-tfal tal-iskola li jżuru l-Festival, jirriflettu l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fil-promozzjoni ta’ kultura ta’ qari u mħabba għall-kotba sa minn età żgħira. Bħal fl-edizzjonijiet preċedenti, il-Festival jiftaħ uffiċjalment biċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Premju Terramaxka, li fiha jitħabbru l-aħjar kotba għat-tfal ippubblikati s-sena ta’ qabel. Fil-jiem tal-Festival l-udjenza se jkollha l-opportunità li tesperjenza dawn l-istejjer rebbieħa f’forma ta’ adattamenti għall-palk tajbin għall-familji u t-tfal tal-iskola ta’ etajiet differenti. Fost dawn il-wirjiet speċjali, DANUSAN se jkunu qed jirritornaw bix-xow umoristiku ‘Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja’, li se jittella’ f’kull jum tal-Festival. Bis-saħħa tat-teknoloġija l-Festival se jkun qiegħed ukoll ixandar parti kbira mill-programm tat-tfal online tali mod li joffri lill-ġenituri u l-għalliema b’riżorsi addizzjonali għat-tagħlim u attivitajiet li jelevaw l-esperjenza tal-qari f’waħda aktar pjaċevoli u aċċessibbli. Il-programm ta’ avvenimenti għat-tfal se jinkludi wkoll tnedijiet ta’ kotba, qari, u gruppi ta’ ħidma mtella’ minn uħud mill-pubblikaturi u l-organizzazzjonijiet ewlenin f’Malta li jaħdmu sabiex jinkoraġġixxu l-qari fost it-tfal u l-adolexxenti. Bla kompromessi – Trainspotting u lil hinn L-Erbgħa 3 ta’ Novembru jibda l-programm tal-attivitajiet bl-ewwel avveniment minn tnejn ma’ Irvine Welsh. Welsh – il-kittieb ta’ Trainspotting magħruf għar-rappreżentazzjoni tal-kultura Skoċċiża b’sens ta’ realiżmu li ma jemminx bi skrupli u lanqas b’kompromessi – se jkun intervistat mill-awtur tas-satira politika Wayne Flask dwar il-ħajja letterarja tiegħu fis-7.30pm. Wara l-intervista Welsh se jiffirma l-kotba. L-għada, il-Ħamis 4 ta’ Novembru fis-7.30pm, Welsh se jingħaqad mal-poeta u l-kittieb Immanuel Mifsud f’diskussjoni dwar l-influwenza tal-istess awtur Skoċċiż fuq il-letteratura Maltija. L-attività se tkun immoderata minn Mark Vella, il-fundatur ta’ Minima Publishers li fi żmienha kienet ippubblikat ix-xogħlijiet bikrin ta’ awturi bħal Mifsud, Ġużè Stagno, u Karl Schembri fil-bidu tas-snin 2000. Ġieħ lil kittieba prominenti Is-Sibt 6 ta’ Novembru l-KNK se jiċċelebra l-kisbiet letterarji ta’ isem li issa sar parti mill-fajjenza tal-letteratura Maltija – Trevor Żahra. Żahra huwa r-rebbieħ tal-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, u dakinhar se jintwera dokumentarju dwar il-ħajja u l-arti tal-awtur maħdum professjonalment minn Motion Blur. Wara l-filmat issegwi diskussjoni ma’ Żahra nnifsu. Sena mindu ħalliena Oliver Friggieri (1947-2021), il-KNK se jtella’ attività li tfakkar il-legat letterarju ta’ din il-figura ċentrali tal-letteratura Maltija moderna. L-avveniment se jkun qed jinkludi diskussjoni dwar il-ħajja u l-kitbiet ta’ Friggieri, u se jsir nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru. L-appuntament annwali tal-Festival mal-poeżiji rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef huwa wkoll okkażjoni xierqa sabiex jitfakkru l-kitbiet tal-poeta li l-konkors iġorr isimha. Il-konkors jinsab fit-tielet edizzjoni tiegħu u tnieda l-ewwel darba mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2019 bil-għan li jsaħħaħ il-kitba poetika f’Malta u jonora l-aqwa poeżija miktuba bil-Malti. It-tħabbira tar-rebbieħa tal-Konkors se ssir nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru fis-7pm waqt ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet li tinkludi qari ta’ poeżiji minn numru ta’ awturi. Il-letteratura Maltija tivvjaġġa Nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru nixħtu l-attenzjoni fuq xogħlijiet tal-letteratura Maltija li kull ma jmur qegħdin isibu qarrejja barra minn xtutna. Permezz ta’ attività li se tlaqqa’ flimkien numru ta’ pubblikaturi barranin, se jiġi diskuss l-investiment tagħhom biex jippubblikaw kotba Maltin tradotti fl-Għarbi, fl-Ispanjol u fl-Ingliż lill-udjenzi ta’ pajjiżhom. Dakinhar ukoll se jkun hemm attività dwar il-kollaborazzjoni tal-KNK ma’ Praspar Press, dar tal-pubblikazzjoni bbażata f’Londra li se tippreżenta l-antoloġija Scintillas – ġabra ta’ letteratura Maltija tradotta fl-Ingliż jew orġinarjament b’dil-lingwa. L-edituri u l-kofundaturi Kat Storace u Jen Calleja se jkunu qed jiddiskutu wkoll il-pubblikazzjoni tat-traduzzjoni tal-ġabra ta’ stejjer qosra ta’ Loranne Vella, What will it take for me to leave, maqluba għall-Ingliż minn Kat Storace. Iż-żewġ pubblikazzjonijiet ġew megħjuna mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u se jitniedu waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021. Il-programm sħiħ tal-avvenimenti tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Sadanittant, il-pubbliku mistieden jibqa’ jsegwi s-sit tal-KNK u l-paġna tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 fuq Facebook biex iżomm ruħu aġġornat. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More