Home / News / Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 back to news Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 Inizjattivi • Other • Premju Nazzjonali tal-Ktieb 18th December, 2020 Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) għadu kif ħabbar ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 għal kotba ppubblikati fl-2019. Dan il-Premju jiċċelebra pubblikazzjonijiet bl-ogħla kisbiet letterarji u ta’ riċerka mqassmin f’disa’ kategoriji differenti. Minħabba ċ-ċirkustanzi straordinarji ċ-ċerimonja saret għall-ewwel darba online mill-paġna tal-Facebook u s-sit tal-KNK, u tmexxiet mill-preżentatur veteran sinonimu mal-kotba John Demanuele. Fid-diskors tiegħu tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri qal li l-2020 kienet sena diffiċli għall-industrija tal-kotba f’Malta, l-aktar minħabba l-kriżi ekonomika li ġabet magħha l-imxija iżda anki minħabba li dan seħħ eżatt wara l-kriżi politika tas-sena l-oħra. Żied li, minkejja dawn, il-pubblikaturi u l-awturi komplew b’xogħolhom kif għamel il-KNK stess, ngħidu aħna bl-organizzazzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Camilleri rrimarka li l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb huwa minnu nnifsu ċelebrazzjoni tal-kultura letterarja lokali, u allura bil-premjazzjoni tal-aħjar kotba ppubblikati fl-2019 il-Kunsill qiegħed ukoll jirringrazzja lill-awturi u l-pubblikaturi tax-xogħol imprezzabbli tagħhom. Innota li minkejja t-theżżiża tal-imxija, ix-xettru li l-kotba jġorru bħala ż-żerriegħa taċ-ċivilizzazzjoni għadu parti mill-qalba soċjali tal-pajjiż. Finalment, il-Kap Eżekuttiv ta ħarsa lejn il-ġejjieni u rrimarka li, anki bis-sapport tal-KNK, l-industrija trid tibqa’ tissaħħaħ permezz ta’ tranżizzjoni diġitali intelliġenti sabiex il-kotba jkunu aċċessibbli online. Il-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020 ammontaw għal 44 ktieb, u r-rebbieħa huma r-rumanz Il-Wiċċ l-Ieħor (Horizons) ta’ Ġorġ Peresso, il-ġabra ta’ novelli Għall-Glorja tal-Patrija!: Kapriċċi Patrijottiċi (SKS Publishers) ta’ Aleks Farrugia, u l-ktieb ta’ drammi Żewġ Drammi: Appuntamenti/Repubblika Immakulata (pubblikazzjoni tal-awtur) ta’ Simone Spiteri. Fil-kategoriji tar-riċerka l-ktieb The Joannes Gennadius Maltese Treasure Trove in Athens (Malta University Press) ta’ Arnold Cassola rebaħ il-Premju għar-Riċerka Ġenerali u l-ktieb Ir-Redentur: History, Art and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea, Malta (Midsea Books, il-Kapitlu tal-Kolleġġjata tal-Isla) editjat minn Jonathan Farrugia rebaħ il-Premju għar-Riċerka Bijografika u Storjografika. Il-Premju għal-Letteratura mhux Fittizja ntrebaħ mill-ktieb Murder on the Malta Express: Who Killed Daphne Caruana Galizia? (Midsea Books Ltd.) ta’ Carlo Bonini, Manuel Delia u John Sweeney. The Unreality of Realism: An Insular Perspective on the Development of Modern Art miktub minn Giuseppe Schembri-Bonaci u pubblikat minn Horizons rebaħ il-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra. Ma ngħatawx premji fil-kategoriji tat-Traduzzjoni u l-Poeżija bl-Ingliż. John Aquilina rebaħ il-Premju għall-Poeżija bil-Malti għall-ktieb Tluq (Edizzjoni Skarta), u ġaladarba kien rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2011 bl-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħu Leħnek il-Libsa Tiegħi, ingħata wkoll il-Premju Poeta Lawreat. Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mar għand Lara Calleja u, finalment, il-Premju Għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura ngħata lil Trevor Żahra. Tista’ ssegwi xħin trid iċ-ċerimonja minn hawnhekk: [embedyt] https://www.youtube.com/watch?v=nCMDLgEDPYU[/embedyt] Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana, ferħet lill-awturi kollha finalisti u rebbieħa għax-xogħol tagħhom u saħqet dwar l-importanza li jkun hawn kultura ta’ qari b’saħħitha sa mill-ewwel snin tal-ħajja, u inkuraġġiet sabiex dal-Milied jingħataw kotba bħala rigali. Żiedet tgħid li l-qari mhux biss jixgħel il-kreattività fil-qalb u l-moħħ, iżda jikkontribwixxi qatigħ biex ikollna soċjetà li tistagħna mill-parteċipazzjoni ta’ ċittadini ħassieba u attivi. Temmet tgħid li l-Gvern jifhem sewwa l-importanza tal-kittieba u l-qari, u huwa għalhekk li d-drittijiet finanzjarji tal-awtur mill-bejgħ tal-kotba (royalties) se jibdew ikunu intaxxati bi 15% rata fissa minn Jannar tal-2021 bħala parti mill-Baġit li tħabbar l-aħħar. Min-naħa tiegħu l-E.T. il-President ta’ Malta George Vella beda d-diskors billi ta’ ġieh lil Prof. Oliver Friggieri li ddeskrivieh bħala wieħed mill-ifjen kittieba u ħassieba ta’ żmienna. Qal li xogħol Friggieri se jħalli l-marka tiegħu fuq il-wirt letterarju ta’ Malta u se jservi bħala ispirazzjoni għal kittieba oħra. Il-President innota li l-kotba u l-qari huma l-muftieħ għas-suċċess, il-bażi għal żgħażagħ li għada pitgħada jkunu l-mexxejja tal-pajjiż, iżda wkoll għandhom relazzjoni sfiqa ma’ valuri universali bħall-empatija, ir-rispett u l-interess ġenwin f’dak li huwa differenti. L-E.T. George Vella kompla jgħid li avvenimenti bħal dawn jipprovdulna ċ-ċans biex nirringrazzjaw bħala poplu lill-kittieba u lill-pubblikaturi lokali li sena wara sena jagħtuna kotba ta’ kwalità għolja f’bosta ġeneri lettexarji u Melitensia. Filwaqt li feraħ lir-rebbieħa kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, il-President ta’ Malta radd il-ħajr lill-awturi, il-pubblikaturi, lill-KNK u lil dawk kollha li qed jikkontribwixxu biex il-letteratura Maltija tikber. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-membri tal-ġurija fil-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020; Prof. Carmen Depasquale, is-Sr Mario Ellul u s-Sa Maria Giuliana Fenech għall-kategorji ‘Riċerka Ġenerali’, Riċerka Bijografika u Storjografika’ u ‘Letteratura mhux Fittizja’; is-Sr Kevin Salba, Dr Josette Attard u s-Sr Mark Vella għall-kategoriji l-oħra tal-finzjoni, u lil Joanne Sciberras minn Malta Libraries li ħadet ħsieb tara li kull ktieb ikun ikklassifikat fil-kategorija t-tajba. Radd il-ħajr nestenduh lil Justine Sommerville, Kristy Borg u Ruth Ancilleri li kienu l-ġurija għall-Premju Terramaxka tat-tfal u ż-żgħażagħ li l-premji tiegħu tħabbru waqt il-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali. Il-Kunsill kburi bl-istandards għoljin u l-prestiġju li jġorr miegħu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Nifhmu li l-għotja tal-premji tqanqal reazzjonijiet differenti, iżda nemmnu li b’hekk niċċelebraw id-differenzi li jgħixu flimkien f’industrija tal-kotba f’saħħitha. L-objettiv tal-Premju jibqa’ li nippreżentaw lill-pubbliku kotba tal-aqwa kwalità u l-ogħla mertu letterarju. Għalhekk minn hawnhekk nieħdu l-opportunità biex inħeġġukom tixtru dawn il-kotba mill-ħwienet online tal-pubblikaturi u tibqgħu tissapportjaw lill-industrija lokali tal-kotba. Kretti oħra: Lil BLEND għall-iffilmjar taċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020, lil Steven Scicluna għad-diżinn grafiku u lil Matt Stroud għall-animazzjoni. It-traduzzjoni u s-sottotitli li dehire fuq l-iskrin saru bis-saħħa ta’ Luisa Castorini, Martina Caruana, Martina Cremona, Nathlin Johnson f’ħidma mad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Istudji fl-Interpretar tal-Università ta’ Malta. Finalment, il-lista sħiħa tar-rebbieħa: IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ’ ĠORĠ PERESSO GĦALL-KTIEB IL-WIĊĊ L-IEĦOR IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘POEŻIJA BIL-MALTI’ JOHN AQUILINA GĦALL-KTIEB TLUQ IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘POEŻIJA BL-INGLIŻ’ IL-PREMJU MA NGĦATAX IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ’ ALEKS FARRUGIA GĦALL-KTIEB Għall-Glorja tal-Patrija!: Kapriċċi Patrijottiċi IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘DRAMA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ’ SIMONE SPITERI GĦALL-KTIEB Żewġ Drammi: Appuntamenti/Repubblika Immakulata IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘ TRADUZZJONI’ IL-PREMJU MA NGĦATAX IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘LETTERATURA MHUX FITTIZJA’ CARLO BONINI, MANUEL DELIA, U JOHN SWEENEY GĦALL-KTIEB Murder on the Malta Express: Who Killed Daphne CARUANA GALIZIA? IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘RIĊERKA ĠENERALI’ ARNOLD CASSOLA GĦALL-KTIEB The Joannes Gennadius Maltese Treasure Trove in Athens IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA ‘RIĊERKA BIJOGRAFIKA U STORJOGRAFIKA’ JONATHAN FARRUGIA (ed.) GĦALL-KTIEB Ir-Redentur: History, Art and Cult of the Miraculous Effigy of Christ the Redeemer at Senglea PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA LIL HORIZONS GĦALL-KTEB The Unreality of Realism: An Insular Perspective on the Development of Modern Art POETA LAWREAT JOHN AQUILINA L-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI LARA CALLEJA PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA TREVOR ŻAHRA [add_posts category=book-prize-en show=100] SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More