Home / News / Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 back to news Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 Other • Premju Nazzjonali tal-Ktieb 10th December, 2021 Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 tħabbru llejla waqt ċerimonja ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li attenda għaliha is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, Dr Francis Fabri. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jingħata kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-għan li jiċċelebra l-ogħla kisbiet fil-pubblikazzjoni tal-letteratura u r-riċerka f’Malta. Fid-diskors tal-ftuħ il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, laqa’ lill-finalisti kollha għal diċ-ċerimonja li, għal darb’oħra, ġabret lill-awturi u lill-pubblikaturi kollha taħt saqaf wieħed. Innota wkoll li ċ-ċerimonja tal-lejla ħadet bixra simbolika, hekk kif il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għalaq il-50 sena tiegħu mindu ngħata l-ewwel darba fl-1971. Camilleri rrimarka li, minkejja l-isfidi li s-sena 2020 ġabet magħha lill-industrija tal-ktieb, l-għadd ta’ kotba ppubblikati kien ta’ tħeġġiġ il-qalb u allura l-okkażjoni taċ-ċerimonja nnifisha kienet xhieda tar-reżiljenza tal-pubblikazzjoni Maltija. Kompla jgħid li l-2021 kienet sena oħra ta’ xogħol ma jaqta’ xejn għall-KNK, u fl-irwol tiegħu se jfittex li jsaħħaħ lill-Kunsill sabiex is-sapport lill-industrija jikber bis-saħħa ta’ ħidmiet u sinerġiji ġodda ma’ entitajet u istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Sostna li l-KNK huwa miftuħ għal kollaborazzjonijiet varji li jagħtu frott issa u fil-ġejjieni. Camilleri feraħ lill-finalisti u żied jgħid li l-lista tal-kotba li kkompetew għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, miktuba kemm minn awturi stabbiliti u oħrajn ġodda, huma turija tal-istandards eċċellenti li l-industrja qiegħda dejjem tħabrek sabiex tilħaq. Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti minn lista ta’ finalisti li għaddet 46 ktieb, kollha ppubblikati s-sena ta’ qabel u mifruxa fi tmien kategoriji kompetittivi. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija tar-rumanzi mar għand Gioele Galea għall-ktieb In-Nar Għandu Isem: Noti minn Paġna Intima (Horizons). Ir-rebbieħa l-oħra huma Lara Calleja bil-ktieb Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers) fil-kategorija tan-novelli, Carmel Scicluna li rebaħ il-kategorija tal-poeżija bil-ktieb L-Ambjent li Qeridna: Poeżiji (2017-2020) (Horizons), Immanuel Mifsud u Toni Sant li flimkien kitbu l-ktieb rebbieħ fil-kategorija tal-letteratura mhux fittizja, Jien – Noti – Jien: Ħsejjes u Stejjer (Klabb Kotba Maltin), u Paul Zahra li rebaħ il-kategorija tat-traduzzjonijiet bil-ktieb Mix-Xaqliba ta’ Dar Swann – Ismijiet ta’ Pajjiżi: L-Isem (Awtoppubblikat), oriġinarjament ta’ Marcel Proust. Imbagħad il-premju għall-kategorija tar-riċerka ġenerali mar għand Giuseppe Schembri Bonaci għal The Beheading of Ignez: Katabasis, Ezra Pound and Three Maltese Artists (Horizons), il-kategorija tar-riċerka bijografika u storjografika ntrebħet minn Martin Micallef, l-editur ta’ Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex (Midsea Books), u l-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra mar għand Midsea Books għall-pubblikazzjoni tal-ktieb The Addolorata Cemetery. Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mar għand Stephen Lughermo, l-awtur ta’ rumanzi għaż-żgħażagħ, għat-tfal, u tal-ġabra ta’ novelli Ċelel Bla Ħitan (Horizons, 2020). U f’ġieħ karriera twila bħala poetessa u kittieba ta’ rumanzi, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura mar għand Rena Balzan. Minbarra l-kontribuzzjonijet letterarji tagħha, Balzan kienet għal ħafna żmien Professur Assoċjat tal-Ġenetika u l-Bijoloġija Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija fl-Università ta’ Malta. Is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, Dr Francis Fabri, fakkar fir-relazzjoni sfiqa li hemm bejn l-identità nazzjonali u l-letteratura ta’ pajjiż. Filwaqt li fakkar il-50 sena anniversarju tal-Premju, tkellem dwar l-att tal-kitba bħala l-espressjoni ta’ dak li awtur iħoss li għandu jitqiegħed taħt lenti, anki jekk dak li jikteb ikun messaġġ ta’ protesta f’isem il-ftit jew il-ħafna. Saħaq li jekk il-Gvern irid jisma’ minn nies mela ma jistax jinjora x’għandhom xi jgħidu l-kittieba, li huma l-leħen tas-soċjetà. Huwa u jiddeskrivi lill-ktieb bħala “kuxjenza ħajja u lventa”, temm diskorsu bi kliem il-filosfu Jean Paul Sartre dwar kif il-kliem huwa azzjoni, impenn, u tqanqil għall-bidla fil-qarrej u l-komunità. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-membri kollha tal-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021; Prof. William Zammit, is-Sr Mario Ellul u s-Sa Maria Giuliana Fenech għall-kategoriji tar-‘Riċerka Ġenerali’, ir-‘Riċerka Bijografika u Storjografika’, u l-‘Letteratura mhux Fittizja’; is-Sur John Grech, Dr Stephen Bonanno u s-Sa Rowna Baldacchino għall-kategoriji tal-letteratura, u lill-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, is-Sa Cheryl Falzon għall-klassifikazzjoni tal-kotba. Il-KNK jirringrazzja wkoll mill-ġdid lil Dr Nicole Bugeja, is-Sa Kristy Borg u s-Sa Ruth Ancilleri li ġġudikaw il-kategoriji kollha tal-Premju Terramaxka għal kotba tat-tfal u l-adolexxenti, liema rebbieħa tħabbru fil-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021. Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021: IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ GIOELE GALEA – IN-NAR GĦANDU ISEM: NOTI MINN PAĠNA INTIMA IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ LARA CALLEJA – KISSIRTU KULLIMKIEN IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA POEŻIJA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ CARMEL SCICLUNA – L-AMBJENT LI QERIDNA: POEŻIJI (2017-2020) IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA DRAMA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ IL-PREMJU MA NGĦATAX IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA TRADUZZJONI PAUL ZAHRA – MIX-XAQLIBA TA’ DAR SWANN – ISMIJIET TA’ PAJJIŻI: L-ISEM IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA LETTERATURA MHUX FITTIZJA IMMANUEL MIFSUD, TONI SANT – JIEN – NOTI – JIEN: ĦSEJJES U STEJJER IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA RIĊERKA ĠENERALI GIUSEPPE SCHEMBRI BONACI – THE BEHEADING OF IGNEZ: KATABASIS, EZRA POUND AND THREE MALTESE ARTISTS IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA RIĊERKA BIJOGRAFIKA U STORJOGRAFIKA MARTIN MICALLEF (Ed.) – CRUX INVICTA: IL-KURĊIFISS MIRAKULUŻ U L-KAPUĊĊINI F’GĦAWDEX PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA MIDSEA BOOKS – The Addolorata Cemetery PREMJU GĦALL-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI STEPHEN LUGHERMO PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA RENA BALZAN SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More