Home / News / Kulma għandek tkun taf dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 back to news Kulma għandek tkun taf dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 Festival Nazzjonali tal-Ktieb • Festivals • Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus • Other 4th November, 2024 Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – l-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-kotba f’Malta – issa jinsab fil-45 edizzjoni tiegħu, u dis-sena se jsir iċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru. Il-Festival huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u jiġbed lejh eluf ta’ viżitaturi minn kull vija tal-ħajja, b’enfasi fuq it-tfal tal-iskola fost il-ġimgħa filgħodu. Il-programm tal-attivitajiet dis-sena jinkludi żewġ kittieba superstars: l-awtur Brittaniku li kiser rekords ta’ bejgħ ta’ kotba, Anthony Horowitz u Paul Lynch, il-kittieb Irlandiż tal-ktieb Prophet Song, li rebbħu l-Premju Booker is-sena l-oħra. Id-dħul għall-Festival b’xejn. L-MFCC pet-friendly – il-ħbieb sufin tagħna merħba bihom, dejjem jekk akkumpanjati minn sidhom! Għandna ħafna affarijiet lesti għalikom, u allura f’li ġej se nagħtukom gwida fuq fuq tal-attivitajiet ewlenin tal-programm, kf ukoll informazzjoni loġistika li tħaffiflek iż-żjara lejn il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024. Il-programm tal-attivitajiet It-tema tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ dis-sena hija #dinjietjirrimaw – pjattaforma li se tesebixxi l-qawwa tal-letteratura li tqarreb lejn xulxin nies differenti bis-saħħa ta’ ġeneri, stili u modi ta’ resqien rikki. F’din l-edizzjoni l-KNK tefa’ attenzjoni mġedda fuq attivitajiet li jimmiraw li jipprofessjonalizzaw l-industrija lokali tal-kotba, b’workshops u masterclasses minn imsieħba lokali u internazzjonali li se jitkellmu fuq prattikament kull aspett mid-dinja tal-pubblikazzjoni: mill-kitba sal-illustrazzjoni, u b’tagħrif fuq in-negozju tal-pubblikazzjoni u l-proċess tal-illegar. Se jittellgħu xows għat-tfal tal-iskola kuljum fost il-ġimgħa filgħodu, u fl-aħħar jum tal-Festival se jkun skrinjat dokumentarju dwar Daniel Massa, ir-rebbieħ tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura fl-2023. Żur il-programm tal-attivitajiet mis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Kuxjenza u Inklussività Bħala data ewlenija mill-kalendarju kulturali Malti, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb kburi li qed jitfa’ enfasi fus is-sostenibbiltà u l-kuxjenza ambjentali bis-saħħa ta’ kollaborazzjonijiet ma’ għadd ta’ msieħba li jaqsmu magħna l-istess valuri. Dan kollu se jinġabar taħt it-tema ‘Għada jibda bl-Għajn’. Il-Benna se jiddebuttaw fil-Festival bil-kampanja ‘Gawdih minflok Taħlih’ li tinkoraġixxi lill-viżitaturi biex jgħixu bi stil ta’ ħajja li kemm jista’ jkun taħli mill-inqas. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) se tippromwovi l-istess kunċett, u se tipprovdi buggy tal-ilma li tista’ timla minnu l-ilma għal xħin tkun qed iddur mal-istands tal-Festival. L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA) se tkun magħna għal darb’oħra b’serje ta’ qari tematiku biex iħeġġu lit-tfal u l-familji tagħhom ma jaħlux l-ilma, filwaqt li Piscopo Gardens se jittamaw li jrawmu fil-pubbliku l-apprezzament għall-ispazji ħodor billi, appuntu, iħaddru mkejjen differenti tal-Festival – fosthom ir-Rokna tal-Ktieb – bil-pjanti. Gutenberg Press se jippromwovu mezzi sostenibbli ta’ stampar, filwaqt li l-Malta Community of Illustrators (MCOI) sejħet lill-artisti biex jimmaġinaw kif għad tidher Malta minn hawn u 20 sena oħra, bit-tama li dan l-iffantasizzar imexxina lejn dinja aktar sensittiva u sostenibbli. L-inklussività karatteristika importanti tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u l-KNK bi pjaċir qed jerġa’ jipprovdi lill-pubbliku l-Kamra Sensorja – post kalm u inklussiv għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu li fih jistgħu jattendu għal stejjer ta’ qari mtellgħin minn Inspire Malta. Dan il-post imwieżen mill-APS Bank. Il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCF) se timmaniġġja l-kafetterija tal-Festival, u l-qliegħ kollu se jmur għand persuni li jeħtieġu għajnuna kritika. L-MCCF joffru trattament tas-saħħa, assistenza għal safar minħabba kura speċjalizzata, u sapport essenzjali ieħor lil dawk li qed jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa. Intom u tgawdu mill-ikel u x-xorb provdut, se tkunu qed tgħinu lill-MCCF ikompli jħallu impatt pożittiv fuq persuni li jeħtiġuh. Intant, Jacob’s Brew se jerġgħu jkunu magħna bil-vann tal-kafè tagħhom. Il-KNK kuntenti li reġgħu magħna bil-kunċett tagħhom ‘Ħallas ’il ta’ Warajk’ li jikkumplimenta l-ispirtu tal-Festival. Kif tasal Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jassigurakom li hawn biżżejjed spazju fejn tipparkjaw jekk tiġu min-North Entrance. Dawk li ġejjin b’tal-linja jistgħu jaqbdu dar-rotot: Rotta 56 (Valletta – Ta’ Qali); Rotta 186 (Rabat – Buġibba); Rotta 202 (Rabat – Sliema). IMPORTANTI: Minħabba xogħlijiet infrastrutturali, tkunu tridu tieqfu jew fil-waqfa ‘Villaġġ’ jew ‘Venture’ u timxuha sal-MFCC. Intom imħeġġa wkoll tikkonsultaw mal-Malta Public Transport mis-sit jew l-app tagħhom għall-aħħar aġġornamenti dwar ir-rotot. Min ġej bit-taxi u se juża l-app tridu tissettjaw il-lokazzjoni fuq ‘North Entrance – Malta Fairs & Conventions Centre’ jew inkella ‘Malta Book Festival’. Ħinijiet ta’ Ftuħ Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru f’das-sigħat: l-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sas-1pm u mill-5pm sad-9pm; il-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5pm sal-10pm; is-Sibt mid-9:30am sal-10pm, u l-Ħadd mid-9:30am sat-8pm. Għal aktar informazzjoni żur ktieb.org.mt jew is-siti Facebook u Instagram tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More