Home / News / L-inawgurazzjoni tal-ewwel Poeta Lawreat ta’ Malta Back to News L-inawgurazzjoni tal-ewwel Poeta Lawreat ta’ Malta Inizjattivi • Other • Premju Nazzjonali tal-Ktieb 12th July, 2023 It-Tlieta filgħaxija, il-11 ta’ Lulju, l-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella, laqa’ fil-Palazz ta’ Sant’Anton lill-ewwel Poeta Lawreata ta’ Malta, Maria Grech Ganado, waqt ċelebrazzjoni li fiha ġiet ippreżentata wkoll l-ewwel ġabra ta’ Grech Ganado bħala Poeta Lawreata – The Bell – ippubblikata minn Kotba Calleja. It-titlu ta’ Poeta Lawreat ngħata lil Grech Ganado fl-2019 mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, wara li l-poeta reġgħet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-poeżija. B’kollox, Grech Ganado rebħet il-Premju għall-poeżija 4 darbiet. Fl-2015 ingħatat rikonoxximent prestiġġjuż ieħor mill-KNK, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura. Iċ-ċelebrazzjoni seħħet taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta. F’dan l-irwol prestiġġjuż bħala ambaxxatur tal-arti letterarja, il-Poeta Lawreata tkun għas-servizz tal-istat Malti u tal-Presidenza għal kwalunke kontribut li jista’ jintalab mingħandha minn żmien għal żmien. Fl-indirizz tiegħu, il-pubblikatur ta’ Kotba Calleja rringrazzja lill-President ta’ Malta u lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din l-inizjattiva. Irrimarka li l-poeżija tidentifika min aħna, u allura tgħinna niskopru lilna infusna u tartikola dak li jagħmilna umani. Calleja temm jirringrazzja lil Maria Grech Ganado tal-kontribut imprezzabbli tagħha, u semma kif pubblikaturi żgħar bħalu jfisser ħafna għalihom l-apprezzament muri f’mumenti bħal dawn. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Matthew Vella, wera apprezzament għax-xogħol letterarju li l-poeta Lawreata Maria Grech Ganado qed tagħmel sabiex il-letteratura Maltija tibqa ħajja u sħiħa fis-soċjetà Maltija ta’ żmienna. Stqarr li ċelebrazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu estiżi fil-kamp tal-edukazzjoni sabiex it-tfal fl-iskejjel ikunu konxji tal-importanza tal-poeżija bħala għodda li tiftaħ orizzonti ġodda li jgħinuna nifhmu aħjar in-natura umana kif ukoll mezz li jinfed u jixpruna l-ispirtu tan-nazzjoni għal għażliet aħjar. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri ddeskriva din l-okkażjoni bħala waħda storika li fih Malta qed itterraq fil-passi ta’ pajjiżi oħrajn li rrikonoxxew il-valur tal-poeżija. Sostna li l-poeżija hija tieqa fuq il-qagħda tas-soċjetà Maltija, u għalhekk huwa riskju li soċjetà tinjora lill-poeti tagħha. Temm jgħid li kulħadd midjun mal-kontribut ta’ Maria Grech Ganado. Fl-intervent tagħha il-Poeta Lawreata spjegat l-importanza tal-poeżija f’ħajjitha. Qalet li l-isem tal-ġabra ġdida tagħha The Bell iġorr is-simbolu tal-qanpiena, li hija immaġni ħajja tal-ħin u l-kelma kif il-qanpiena isservi sabiex tqassam u tiddefenixxi ż-żmien, hekk ukoll il-poeżija tartikola ż-żmien tal-bniedem. Finalment, l-E.T. il-President ta’ Malta għalaq is-serata billi awgura li dan l-unur jagħti spinta, u juri l-apprezzament, u r-rikonoxximent mistħoqq lill-poeti Maltin u l-poeżija Maltija bħala espressjoni artistika tal-ogħla livell. Stqarr li jittama wkoll li dan l-unur jirrikonoxxi għarfien u apprezzament lill-poeta Malti bhala l-vuċi tal-kuxjenza tas-socjetà fl-ogħla livell tal-istat. Il-President ta’ Malta awgura lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikompli bil-ħidma li jonora xogħol il-poeti Maltin u jirrikonoxxi xogħolhom bħala servizz lejn ir-Repubblika u lejn l-iżvilupp kulturali Malti. Maria Grech Ganado, imwielda fl-1943, kienet l-ewwel mara Maltija li ħadmet bħala lettur full-time fl-Università ta’ Malta, fid-Dipartiment tal-Ingliż. Ippubblikat ħames ġabriet ta’ poeżija bil-Malti: Iżda Mhux Biss (1999); Skond Eva (2001); Fil-Ħofra Bejn Spallejha (2005); Monografija (2010); Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja (2014), u ħames ġabriet bl-Ingliż: Ribcage (2003); Cracked Canvas (2005); Memory Rape (2005); Framed (2018); u The Bell (2023). Xogħolha nqaleb għall-Franċiż, għat-Taljan, għall-Ġermaniż, għall-Grieg, għall-Ispanjol, għat-Tork, għall-Għarbi, għal-Litwan, għall-Finlandiż, għaċ-Ċek, għall-Katalan, għall-Islovakk, għall-Ungeriż, għall-Olandiż, għall-Armen u għall-Esperanto. Grech Ganado ħadet ukoll il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika ta’ Malta fl-2000, u fl-2023 ingħatat Dottorat (Honoris Causa) mill-Università ta’ Malta għall-kontribut tagħha lil-Letteratura Maltija. SHARE POST Related Articles Il-KNK jippubblika r-Rapport Annwali għall-2025 News 17th April, 2026 Read More Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti News 15th April, 2026 Read More Avviż lill-Esebituri u l-Organizzaturi tal-Avvenimenti – Applikaw Issa Biex Tipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026! Other 14th April, 2026 Read More Jekk tixtieq issir editur tal-kotba rreġistra issa għal dal-kors online b’xejn News 13th April, 2026 Read More Ħareġ il-45 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 9th April, 2026 Read More Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb News 8th April, 2026 Read More Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilqa’ Maniġer ġdida News 7th April, 2026 Read More Titnieda l-Iskema tas-Sussidju għall-Kotba Stampati News 1st April, 2026 Read More Ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 Other 30th March, 2026 Read More Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni Inizjattivi 20th March, 2026 Read More view all similar news
Il-Premju Commonwealth għan-Novelli jilqa’ lill-ewwel Malti li qatt għamilha mal-lista reġjonali tal-finalisti News 15th April, 2026 Read More
Avviż lill-Esebituri u l-Organizzaturi tal-Avvenimenti – Applikaw Issa Biex Tipparteċipaw fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2026! Other 14th April, 2026 Read More
Jekk tixtieq issir editur tal-kotba rreġistra issa għal dal-kors online b’xejn News 13th April, 2026 Read More
Sejħa għall-Addattamenti Teatrali ta’ Kotba Maltin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb News 8th April, 2026 Read More
Ippubblikata l-lista tas-sottomissjonijiet eliġibbli għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2026 Other 30th March, 2026 Read More
Il-Programm Sħiħ tal-Konferenza Annwali dwar il-Ktieb: Kelliema varji jistħarrġu r-realtajiet ekonomiċi fl-industrija tal-pubblikazzjoni Inizjattivi 20th March, 2026 Read More