Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) kburi jgħid li għal darb’oħra l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun l-ispazju per eċċellenza għall-awturi li jridu jirfinaw is-sengħa tal-kitba tagħhom billi jagħmluha ma’ kittieba oħra magħrufa mad-dinja kollha.

Fuq quddiem nett ta’ dil-lista ta’ kittieba hemm Anthony Horowitz, wieħed mill-mistiedna speċjali tal-Festival li se jmexxi l-attività ‘Dinja ta’ Kitba: Masterclass tal-Kitba Kreattiva ma’ Anthony Horowitz’ nhar il-Ħamis 7 ta’ Novembru fis-7:30pm.

Horowitz – kittieb Brittaniku bestseller dinji magħruf għas-serje ta’ kotba ta’ Alex Rider u l-kitba tal-iskripts għal xows internazzjonali bħal Midsomer Murders u Foyle’s War – se jitkellem dwar is-sisien ta’ kitba letterarja ta’ suċċess, ngħidu aħna l-iżvilupp tal-plot, it-tiswir ta’ karattri memorabbli, il-kitba ta’ djalogu li jżommok, u l-ħjut bejn il-kitba tal-proża u dik tal-iskripts għat-televixin. F’attività oħra, Horowitz se jkun qed jiddjaloga ma’ James Corby, Professur u Kap tad-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta, u l-pubbliku se jkollu ċ-ċans jitkellem direttament ma’ dan l-awtur stilla.

Barra minn dawn, il-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun fih varjetà ta’ attivitajiet u workshops immirati lejn l-iżvilupp tal-ħiliet u l-għarfien ta’ professjonijiet differenti fl-industrija tal-pubblikazzjoni. Awturi, illustraturi u pubblikaturi – kemm dawk li għadhom jibdew u oħrajn stabbiliti – jistgħu jattendu għal sessjonijiet dwar l-illegar tal-kotba, l-iżvilupp tal-kitba fittizja, l-illustrazzjoni, u anki dwar kif issib triqtek fis-suq letterarju. Dawn il-workshops se jitmexxew minn professjonisti tal-esperjenza, li se jaqsmu mal-udjenza tekniċi prattiċi u lehmiet industrijali li żgur se ssibhom ta’ użu.

“Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jimmira li jagħti esperjenza sħiħa lill-qarrejja, lill-kittieba u lill-ħabbieba kollha tal-kotba. Dawn l-attivitajiet – uħud minnhom immexxija minn personaġġi internazzjonali bħal Horowitz – isaħħu l-impenn tal-KNK biex jixpruna industrija lokali b’saħħitha u kompetittiva”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri. Sostna li l-varjetà t’attivitajiet fil-programm jappellaw għal persuni t’etajiet differenti u jirfdu t-tema ewlenija tal-edizzjoni ta’ dis-sena: #dinjietjirrimaw.

Il-Festival jinkludi wkoll sessjonijiet interattivi ma’ aġenti letterarji li se jġibu magħhom informazzjoni relatata mat-tħejjija ta’ manuskritt, kif tippreżenta ruħek fis-suq tal-kotba, u dwar kif issib l-aħjar triq għalik fid-dinja tal-pubblikazzjoni. Il-pubbliku se jkollu ċ-ċans jistaqsi u jitkellem ma’ dawn il-professjonisti, u jirċievi pariri mingħandhom. Dan se jagħmel lil dawn l-attivitajiet riżorsa essenzjali għal dawk interessati.

“L-insularità hija waħda mill-ikbar sfidi li għandha l-industrija kulturali Maltija, u avvenimenti bħal dawn għandhom irwol kruċjali biex jibnu relazzjoni bejn it-talent lokali u dak internazzjonali fil-qasam tal-kotba”, temm jgħid Camilleri.

Ibbukkja postok issa għal Dinja ta’ Kitba: Masterclass tal-Kitba Kreattiva ma’ Anthony Horowitz’ għax l-ispazji limitati. Irreġistra hawnhekk.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 (6-10 ta’ Novembru) se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti, segwi s-sit tal-KNK, il-paġna Facebook tiegħu u anki dik tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article