Tħabbru llejla r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2024 għal kotba ppubblikati fl-2023, waqt ċerimonja privata fil-Mużew Marittimu l-Birgu. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jittella’ kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u r-rebbieħa jintgħażlu minn bord indipendenti ta’ aġġudikanti skont damma ta’ kriterji stabbiliti u proċess rigoruż.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri nnota l-kisbiet tal-letteratura Maltija fl-2023 u l-isforzi tal-professjonisti biex l-istandards lokali jibqgħu jogħlew għal dawk internazzjonali. Enfasizza l-importanza tal-ħidma bejn il-KNK u l-awturi, l-edituri u l-pubblikaturi sabiex ix-xogħol lokali jitjieb.

Camilleri semma wkoll xi inizjattivi li għaddejjin bħalissa, fosthom il-pubblikazzjoni tal-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra u x-xogħol fuq iċ-Ċentru tal-Ktieb Malti, filwaqt li tenna l-impenn tal-KNK sabiex jitrawwem talent ġdid fl-industrija u jkunu promossi l-kotba Maltin barra minn xtutna. Għalaq billi feraħ lir-rebbieħa u l-finalisti kollha għall-kontribuzzjoni tagħhom lejn il-letteratura Maltija.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, l-Innovazzjoni u r-Riċerka Clifton Grima saħaq kemm l-eċċellenza letterarja hija rifless tal-iżvilupp intellettwali ta’ pajjiż. Irrimarka li letteratura b’saħħitha tkun prodott ta’ kitba matura u bi ħsieb, li tikkontribwixxi għall-maturità tas-soċjetà.

Il-Ministru ħeġġeġ għal aktar kittieba biex jiktbu bil-Malti sabiex bis-saħħa ta’ tradizzjoni letterarja għanja togħla l-qagħda tal-ilsien nazzjonali. Faħħar xogħol il-KNK huwa u jħabrek sabiex in-nazzjon jibqa’ juri dedikazzjoni lejn il-kotba u l-kelma miktuba. Żied jgħid li l-okkażjoni tal-lum hija waħda ta’ ġieħ mhux biss għal-letteratura u l-identità Maltija imma għalina lkoll li qegħdin nagħrfu l-ħiliet għoljin tal-kittieba u poeti bil-kitba fl-ilsien għażiż tagħna u f’ilsna oħra. Grima għalaq billi feraħ lill-finalisti, b’mod speċjali lir-rebbieħa.

Ir-rebbieħa ntgħażlu minn 61 ktieb ippubblikati s-sena ta’ qabel u mifruxa fi 12-il kategorija kompetittivi: 49 minnhom kienu f’sitt kategoriji tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti, u s-27 l-oħra fis-sitt kategoriji tal-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Skont ir-regolamenti, l-aġġudikanti kellhom jagħżlu sa massimu ta’ 5 kotba minn kull kategorija.

Il-bord tal-aġġudikanti tal-edizzjoni ta’ dis-sena għażlu li ma jinnominaw ebda finalist għall-kategorija tar-Rumanzi. L-għażla ttieħdet sabiex tinżamm l-ogħla riga letterarja u sabiex tkun assigurata l-integrità tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-bord qal li filwaqt li bosta mir-rumanzi kienu mirfuda minn riċerka storika estensiva, il-livell letterarju ma laħaqx dawk mistennija minn premju ta’ ġieħ nazzjonali.

Barra minn hekk, għall-kategorija tan-Novelli ntgħażlu biss żewġ finalisti, li ebda minnhom ma rebaħ il-premju għax ħadd ma laħaq id-90 marka.

Il-Premju Terramaxka dis-sena ċċelebra bosta kotba għat-tfal għall-kwalità għolja tagħhom kemm fil-kontenut u anki fil-produzzjoni. L-aġġudikaturi faħħru l-kotba għat-temi li esploraw, għall-illustrazzjonijiet kontemporanji, u għall-mod kreattiv li bih l-awturi u l-illustraturi indirizzaw suġġetti ġodda u importanti lill-udjenza tagħhom. Il-kotba rebbieħa għolew fuq l-oħrajn għall-kapaċità tagħhom li jsaħħru l-immaġinazzjoni tat-tfal bi stejjer viżivi li żiedu mal-esperjenza tal-qari u għamlu aċċessibbli temi kumplessi lil qarrejja żgħar u żgħażagħ. Kollox ma’ kollox, il-livell għoli huwa riżultat tal-passi kbar ’il quddiem li għamlet il-letteratura għat-tfal u ż-żgħażagħ.

Ingħataw ukoll żewġ premji speċjali. Il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura mar għand Giovanni Bonello, filwaqt li l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti ħadu Ryan Falzon.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-membri tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti u l-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ: Ruth Ancilleri, Robert Attard, Nicole Bugeja, Roderick Mallia, Omar ’N’ Shea, Maria Theuma, Mario Thomas Vassallo, Sherise Zammit u William Zammit. 

Ħajr ukoll lil Margaret Callus minn Malta Libraries li evalwat il-klassifikazzjoni tal-kotba fil-kategorija rispettivi.

Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Adulti

RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ

Ma ntgħażlux finalisti

NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ

Ma ngħatax premju

POEŻIJI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ

Għażiż Ġismi ta’ Immanuel Mifsud (Klabb Kotba Maltin)

DRAMA

Ma kienx hemm sottomissjonijiet 

TRADUZZJONI

Il-Frammenti ta’ Saffo (Saffo) tradott minn Warren Bartolo (Ede Books)

LETTERATURA MHUX FITTIZJA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ

Fejjaqtni Int: Rużar Briffa – u Jien ta’ Paul P. Borg (Awtoppubblikat)

RIĊERKA

Vincenzo Bonello: His Legacy in Heritage editjat minn Theresa Vella (Kite Group)

RIĊERKA STORJOGRAFIKA

Jacques François de Chambray: The Order He Served, the Island He Loved, and the Fort He Built ta’ Joseph Scicluna (Kite Group)

PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA

Ede Books għall-ktieb Il-Frammenti ta’ Saffo (Saffo) tradott minn Warren Bartolo

PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA

Giovanni Bonello

PREMJU GĦALL-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI

Ryan Falzon

Il-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ 2024 


KOTBA GĦAT-TFAL (etajiet 0-7)

Madame Ortensja Paskwalina De Rohan ta’ Clare Azzopardi, illustrat minn Moira Scicluna Zahra (Merlin Publishers)

KOTBA GĦAT-TFAL (etajiet 8-12)

Il-Każ tal-Kappell Ikkalibrat ta’ Leanne Ellul, illustrat minn Marisa Attard (Merlin Publishers)

LETTERATURA GHAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Iż-Żmien Kurjuż taż-Żgħożija editjat minn Clare Azzopardi u Glen Calleja (Aġenzija Żgħażagħ)

KOTBA MAQLUBIN GĦALL-MALTI (etajiet 0-7)

Iddeverti Kemm Tiflaħ, Binti! (Mandy Archer; Shane Crampton ill.) tradott minn Janet Mallia (BDL Publishing)

KOTBA MAQLUBIN GĦALL-MALTI (etajiet 8-12)

Maskra Ħamra: Sensiela Kif Issir Supereroj 2 (Elias Våhlund; Agnes Våhlund ill.) tradott minn Antoinette Borg (Merlin Publishers)

LETTERATURA GHAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TRADOTTA

Fake ta’ Veru (Nereida Carrillo; Alberto Montt ill.) tradott minn David Aloisio (Merlin Publishers)

PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA

Merlin Publishers għall-ktieb M għal Malta ta’ Naomi Gatt


Share Article