Home / News / Niktbu mill-Ġdid Flimkien: Inniedu l-Programm tal-Attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb! Back to News Niktbu mill-Ġdid Flimkien: Inniedu l-Programm tal-Attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb! Festivals • Malta Book Festival • Other 23rd September, 2025 Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir qed iniedi llum programm ta’ attivitajiet mimli daqs bajda, mifrux fuq ħamest ijiem waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2025, fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali. Aċċessa l-programm minn hawn. It-tema tas-46 edizzjoni tal-Festival tħaddan viżjoni kuraġġuża għax tħeġġeġ il-bidla u t-trasformazzjoni – Niktbu mill-Ġdid – u tagħti direzzjoni lil din l-akbar ċelebrazzjoni tal-kotba u l-qari fil-Gżejjer Maltin. Fil-qalba tagħha, it-tema niktbu mill-ġdid toħroġ mill-forza trasformattiva tal-letteratura – il-post fejn il-ħajja tieħu l-forma tal-kliem, l-istejjer jidhru ġodda għax jilbsu forom ġodda, u fejn kull ġeneru jiftaħlek il-bieb għal skoperti varji. Sija jekk b’narrattivi li jżommuk, riflessjonijiet personali, jew esperimentazzjonijiet poetiċi, b’xi mod jew ieħor kull ktieb isuq xi tip ta’ bidla. Il-Festival ta’ dis-sena jieħdok f’dat-traġitt u jistieden lil qarrejja ta’ kull età biex jinġarru mill-maġija tar-rakkont, li kapaċi ġġiegħlek tiġġedded, taħseb mill-ġdid, u finalment issaħħar mill-ġdid lid-dinja. Il-programm tal-attivitajiet huwa turija ta’ din il-varjetà u r-rikkezza tal-esperjenza letterarja – jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ awturi internazzjonali, xows teatrali għat-tfal, workshops, u attivitajiet interattivi. L-Aspett Internazzjonali Dis-sena hemm tajfa ta’ mistiedna b’reputazzjoni internazzjonali. Jeff VanderMeer huwa l-kittieb magħruf mad-dinja kollha għat-triloġija Southern Reach, u se jmexxi masterclass fuq il-finzjoni immaġinattiva, se jipparteċipa f’intervista lajv, u se jkun disponibbli biex jiffirma l-kotba. Il-kollaboratriċi tiegħu u l-editriċi Ann VanderMeer se tmexxi workshop dwar l-editjar professjonali, li fih se toffri lehmiet prattiċi għall-awturi. Bħala parti mill-kontribut tiegħu lejn l-iżvilupp professjonali tal-awturi Maltin, il-KNK qed jilqa’ mill-ġdid fil-Festival lill-aġent letterarju mir-Renju Unit, Simon Trewin. Trewin se jmexxi sessjoni dwar kif awtur jew pubblikatur jissottometti x-xogħol tiegħu bl-aħjar mod f’katalgu ta’ drittijiet li mbagħad isib ruħu fis-suq internazzjonali, b’mod partiklulari l-katalgu tal-KNK Literature from Malta. Il-Festival se jilqa’ wkoll lil Samantha Harvey, li għadha kemm rebħet il-Premju Booker bil-ktieb Orbital, li se tkun intervistata mill-awtriċi akklamata Loranne Vella. Id-diskussjoni bejn Harvey u Vella mistennija tkun waħda interessanti li se tmiss punti differenti mill-karriera versatili u qawwija ta’ Harvey. Dawn il-mistiedna se jsiru parti minn tradizzjoni twila ta’ awturi ta’ fama internazzjonali li żaru l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, uħud mill-aħjar kittieba li influwenzaw il-letteratura kontemporanja, li l-pubbliku jista’ jiltaqa’ magħhom mingħajr ebda ħlas u f’ambjent aċċessibbli. Teatru għaż-Żgħar u ż-Żgħażagħ Bħat-tema ewlenija tal-Festival, ix-xows teatrali għat-tfal jirritornaw imġedda u mibdula – se jkunu miftuħin għat-tfal kollha tal-primarja u s-sekondarja u se jittellgħu f’parti ġdida tal-MFCC mibnija apposta għalihom. Ix-xows ikkurati mill-awtriċi u drammaturga rrispettata Simone Spiteri, u se jkunu bbażati fuq kotba Maltin rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb mill-passat. Dawn ix-xows teatrali jlaqqgħu ir-rakkuntart tal-istejjer mal-element performattiv b’modi aċċessibbli u friski. Il-produzzjonijiet li se jittellgħu huma: Il-Kreatura tal-Bir (7 snin+), adattatament ta’ Miguel Formosa mir-rumanz ta’ Simon Bartolo (Merlin Publishers) Mikelin (4–9 snin), adattament u direzzjoni ta’ Mikhail Basmadjian u Antonella Axisa, ibbażati fuq l-istorja ta’ Sandra Hili Vassallo (Merlin Publishers). Fittixni (8 snin+), direzzjoni ta’ Karl Cassar ma’ studenti-atturi mill-MVPA, adattament mir-rumanz ta’ Antoinette Borg (Merlin Publishers). Madam Ortensja Paskwalina de Rohan (3–7 snin), direzzjoni ta’ Jacob Piccinino, adattament mill-ktieb ta’ Clare Azzopardi (Merlin Publishers). Dax-xows se jittellgħu mis-7 sad-9 ta’ Novembru, b’xejn għal kulħadd. Madankollu, minħabba li l-postijiet limitati għal 100 persuna kull xow, inħeġġu lill-pubbliku jirreġistra għalihom mis-sit Eventbrite. Attivitajiet għall-Familji u t-Tfal Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-ħarġa ideali għall-familja kollha. Mifrux fuq ħamest ijiem (5-9 ta’ Novembru), il-familji jistgħu jżuruh u jattendu sessjonijiet ta’ qari ta’ stejjer, workshops, performances, u attivitajiet kreattivi bl-idejn iddisinjati sabiex iqanqlu l-immaġinazzjoni fit-tfal. Xi ħaġa ġdida għal dis-sena! Il-KNK se jkun qed iniedi Pakkett ta’ Riżorsi għat-tfal tal-primarja, il-medja u s-sekondarja mfassal madwar it-tema “Kif nagħżel ktieb?”. Dawn ir-riżorsi interattivi jinkludu attivitajiet li jsaħħu l-kunfidenza u l-kurżità fit-tfal, u jħażżmuhom b’għodda biex jesploraw bihom awturi u ġeneri differenti. Il-pakketti tar-riżorsi jgħinu wkoll lill-ġenituri u lill-għalliema sabiex it-tagħlim jiġi estiż lil hinn mill-klassi. Dis-sena l-Festival huwa aktar aċessibbli bis-saħħa tal-vawċer ta’ €20 li se jingħata lit-tfal, u li jista’ jintefaq fuq kotba mill-Festival. Il-vawċers trid tirreġistra għalihom, u se jkollna żewġ tipi ta’ reġistrazzjonijiet – waħda għal dawk it-tfal li ġejjin mal-iskola tagħhom, u oħra għal dawk li ġejjin b’mod indipendenti jew mal-familja taghom. Ir-reġistrazzjonijiet tal-iskejjel se jkunu miftuħa bejn l-24 ta’ Settembru u l-10 ta’ Ottubru, filwaqt li dawk għall-familji se jkunu miftuħa mill-11 ta’ Ottubru sad-9 ta’ Novembru, l-aħħar ġurnata tal-Festival. Aktar informazzjoni dwar il-vawċers hawnhekk. L-Esebituri u Aktar Punti ta’ Interess Fil-Festival se jkun hawn aktar minn 40 esebitur, bejn pubblikaturi ewlenin f’Malta, bejjiegħa tal-kotba, organizzazzjonijiet kulturali, istituzzjonijiet internazzjonali, u NGOs. Dan jikkonferma kemm il-Festival ilaqqa’ entitajiet differenti ġejjin mill-qasam tal-letteratura, tal-edukazzjoni, u mill-qasam komunitarju. Min se jattendi l-Festival jista’ jistenna eluf ta’ kotba ta’ ġeneri u lingwi differenti, jipparteċipa fi tnedijiet ta’ kotba, konverżazzjonijiet ma’ awturi, workshops dwar l-editorija, sessjonijiet ta’ kotba artiġjanali, u attivitajiet interattivi, kif ukoll jesperjenza l-esebizzjoni maġġuri ‘From Illustration to Book’, organizzata għar-raba’ darba bi sħab mal-Kunsill Malti għall-Arti li se tiċċelebra lill-illustraturi Maltin tal-imgħoddi u l-preżent. Hemm ukoll il-Kamra Sensorja, ikkurata mill-Inspire Malta b’sapport mill-APS Bank, li se tagħti spazju sigur lil tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa b’xejn għal kulħadd, tistgħu tiġu bl-annimali tagħkom, u jilqa’ lill-komunitajiet kollha.Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru l-MFCC, Ta’ Qali. Tista’ taċċessa l-programm tal-attivitajiet minn hawnhekk. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn id-09:00 u s-13:00 u l-17:00 u d-21:00 mill-Erbgħa sal-Ġimgħa, is-Sibt bejn l-10:00 u d-21:00 u l-Ħadd bejn l-10:00 u t-20:00. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Festival hawnhekk. Tista’ anki żżur il-paġna Facebook tal-Festival jew l-Instagram tal-KNK. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Iniedi l-Filmat Promozzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Festivals 16th September, 2025 Read More Il-letteratura għat-tfal tieħu ħajja dinamika waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Festivals 10th September, 2025 Read More Ħatriet ġodda fil-Bord tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Other 10th September, 2025 Read More POŻIZZJONI TA’ MANAGER MAL-KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB: JOBSPLUS PERMIT NUMBER 881/2025 News 9th September, 2025 Read More Ir-rebbieħa tal-Premju Booker Samantha Harvey għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Festivals 2nd September, 2025 Read More Jiftaħ għas-sottomissjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż il-Premju Commonwealth għan-Novelli 2026 Other 1st September, 2025 Read More Jitħabbru l-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 News 26th August, 2025 Read More X’Jagħmel Novella Kbira? News 18th August, 2025 Read More IL-KNK IĦABBAR WORKSHOP TOUR DWAR IN-NOVELLA (AWW-OTT 2025) News 5th August, 2025 Read More Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iniedi l-Istrateġija fuq Ħames Snin 2025-2030 News 5th August, 2025 Read More view all similar news
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Iniedi l-Filmat Promozzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Festivals 16th September, 2025 Read More
Il-letteratura għat-tfal tieħu ħajja dinamika waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Festivals 10th September, 2025 Read More
POŻIZZJONI TA’ MANAGER MAL-KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB: JOBSPLUS PERMIT NUMBER 881/2025 News 9th September, 2025 Read More
Ir-rebbieħa tal-Premju Booker Samantha Harvey għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb Festivals 2nd September, 2025 Read More
Jiftaħ għas-sottomissjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż il-Premju Commonwealth għan-Novelli 2026 Other 1st September, 2025 Read More
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iniedi l-Istrateġija fuq Ħames Snin 2025-2030 News 5th August, 2025 Read More