Skip to content

Il-KNK jagħti donazzjoni ta’ kotba lill-Isptar Monte Karmeli

Image of Il-KNK jagħti donazzjoni ta’ kotba lill-Isptar Monte Karmeli

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) ippreżenta donazzjoni konsiderevoli ta’ kotba lill-Isptar Monte Karmeli, li se jimlew l-ixkafef tas-sala l-ġdida li nfetħet fi Blokk 1 ġol-isptar, u jkunu jistgħu jintużaw minn madwar 20 pazjent li jinsabu f’din is-sala.

Il-preżentazzjoni tal-kotba saret mill-Kap Eżekuttiv Mark Camilleri, u l-Manager Sephora Francalanza, lill-Infermiera Sarah Abela, li hija inkarigata mis-sala.

Il-lista ta’ kotba tinkludi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, tal-Premju Terramaxka, kotba li kienu fil-lista finali ta’ dawn l-istess premji u kotba oħra maħruġin minn pubblikaturi Maltin, kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. Fost l-oħrajn, il-kotba jvarjaw minn letteratura fittizja bħal rumanzi, ġabriet ta’ novelli, poeżija u drama, għal letteratura mhux fittizja bħal bijografiji u storjografiji. Il-varjetà fil-kotba kienet importanti sabiex dawn jolqtu lill-pazjenti kollha, li l-etajiet tagħhom ivarjaw minn 18-il sena sa 65 sena.

Minbarra d-donazzjoni ta’ kotba li ssir kull sena lil Malta Libraries sabiex jitqassmu fl-ixkafef tal-libreriji pubbliċi, donazzjonijiet oħra bħal dawn il-KNK jagħmilhom sabiex il-kotba jkunu aktar aċċessibbli għal setturi speċifiċi tas-soċjetà.

Il-KNK jawgura li l-kotba u l-qari tal-letteratura jkunu ħolqa oħra fi proċess ta’ rkuprar, mhux għar-residenti biss, imma għal kulħadd.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.