Home / News / Dinjiet letterarji differenti jpoġġu ħdejn xulxin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 back to news Dinjiet letterarji differenti jpoġġu ħdejn xulxin waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 Festivals • Other 19th August, 2024 Il-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 se jkun imżiegħed b’attivitajiet li żgur se jiġbdu l-attenzjoni tal-ħabbieba kollha tal-kotba, kemm jekk żgħar u kemm jekk kbar. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) jinsab sodisfatt bil-mod kif qed jiżvolġu l-preparamenti għall-programm, li se jkun jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, minn xows teatrali u qari ta’ stejjer għat-tfal sa tnedijiet u ffirmar ta’ kotba mmirati għall-kbar, kollha taħt saqaf wieħed fl-MFCC bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru. L-udjenza se tkun qed tesperjenza tassew xi rridu ngħidu bit-tema #dinjietjirrimaw. “Il-qarrejja kollha jafu li ktieb għandu saffi differenti, u kburi ngħid li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb kull sena jiċċelebra din il-karatteristika tal-kelma miktuba, u allura mhux inqas dis-sena b’għadd ta’ attivitajiet li se jattiraw numru sabiħ ta’ nies,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri. Il-programm se jkun fih attivitajiet apposta għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Dawn se jseħħu fil-Kamra Sensorja, li se titmexxa minn Inspire Malta bis-sapport tal-Bank APS, u kull sessjoni ta’ qari se taddatta ruħha għall-età tal-persuni b’mod inklussiv. Min-naħa tagħha, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma se terġa’ tipparteċipa b’attivitajiet għat-tfal dwar l-importanza li ma neħlux l-ilma u l-bijodiversità. L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu mbagħad se torganizza sessjonijiet ta’ qari għal gruppi ta’ tfal skont l-età – bejn 0 u 12-il sena – li jrawmu fihom l-imħabba u l-gost għall-qari. Dis-sena fit-teatru se jkollna lil Steve Hili, ballun ta’ enerġija teatrali li se jieħu ħsieb ix-xows għat-tfal, fosthom ‘L-Istorja Splussiva tat-Tifla Stupenda tal-Kotba’ għall-primarja, u ‘Il-Ħatfa l-Kbira tal-Immaġinazzjoni’ għal tfal fis-sekondarja li se jimmaġinaw lilhom infushom qed jisirqu l-immaġinazzjoni lil awtur famuż. Iż-żewġ xows se jkunu bbażati fuq kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka, u se jlaqqgħuna mill-ġdid mal-potenzjal tal-letteratura li tqarreb kemm il-persuni u anki ġeneri differenti lejn xulxin. Waqt il-Festival se jkun hemm ukoll iċ-ċans li tara kif jinħolqu – u tipparteċipa wkoll – elementi varji tal-proċess tal-kotba jew tal-kreazzjoni letterarja, b’workshops dwar l-illustrazzjonijiet, l-illegar tal-kotba, u dwar kif minn idea tasal għall-prodott finali fuq l-ixkaffa. “Kruċjali li nenfasizzaw ix-xogħol u d-dedikazzjoni li persuna tinvesti fi ktieb. Bis-saħħa ta’ attivitajiet immirati għal etajiet differenti u mmexxija minn mgħallmin fis-settur, il-KNK irid jiċċelebra lil dawn in-nies u fl-istess ħin jistieden lill-pubbliku jara b’għajnejh il-proċess kreattiv tagħhom,” żied Camilleri. Minbarra t-tnedijiet tal-kotba ma’ kittieba lokali u internazzjonali, il-Festival se jkun fih ukoll attivitajiet għal dawk interessati fl-aspett internazzjonali tal-industrija tal-kotba u għal dawk li jridu jisimgħu x’għandhom xi jgħidu nies irrispettati dwar kif tirfina senegħtek fil-kitba. Kif diġà tħabbar, il-mistieden speċjali tal-Festival huwa l-kittieb bestseller mir-Renju Unit, Anthony Horowitz, li se jkun qed imexxi masterclass dwar il-kitba kreattiva mirfud mit-tattika tiegħu fil-ħolqien ta’ kitba li żżommok imweħħel taqraha. Imbagħad hemm l-aġent letterarju Jonathan Lloyd (Curtis Brown) li se jitkellem ma’ Kat Storace (Praspar Press) dwar ir-realtajiet li jiffaċċja bħala aġent letterarju ta’ kittieba mondjali. “Se nkunu qed inħabbru aktar attivitajiet fil-ġimgħat li ġejjin, u eventwalment il-programm sħiħ qrib id-dati tal-Festival. Nista’ ngħid b’ċertezza li dawk kollha li jħobbu l-kotba se jieħdu gost ħafna xħin jiftħu l-programm quddiemhom… il-programm tal-attivitajiet tal-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura tal-kotba f’Malta,” ikkonkluda Camilleri. Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 (6-10 ta’ Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti segwi ktieb.org.mt, il-paġna Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u l-Instagram tal-KNK. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More