Home / News / Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iniedi l-ewwel edizzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef back to news Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iniedi l-ewwel edizzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef Festivals • Konkors Nazzjonali tal-Poeżija • Konkorsi Letterarji • Other 21st June, 2019 Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, nieda l-ewwel edizzjoni tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta. Fid-diskors tiegħu Camilleri fiehem li dan il-konkors nazzjonali qed isir f’ġieħ Doreen Micallef (1949-2001) biex b’hekk jiċċelebra wieħed mill-aktar vuċijiet distinti tal-ġenerazzjoni tagħha, vuċi li kienet intima, konfessjonali u femminili. Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK innota wkoll li l-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef għandu l-għan li jaċċentwa l-attività poetika f’Malta billi jħeġġeġ il-kitba tal-ġeneru bil-Malti. Camilleri rrefera għan-numru ġdid ta’ kittieba f’Malta, huwa u jirrimarka li filwaqt li x-xena lokali m’għandhiex tradizzjoni antika wisq, madankollu pproduċiet kittieba li għanewha bil-bosta. Hawnhekk semma lill-Poeta Nazzjonali, Dun Karm, meta qal li kien hu li għolla l-lingwaġġ Malti għal livell ġdid ta’ kuxjenza letterarja billi għażel li jibda jikteb bil-Malti fl-ewwel deċennju tas-Seklu 20, meta sa ftit qabel kien jikteb biss bit-Taljan. F’dad-dawl, u bil-mod uniku tagħha, Doreen Micallef wittiet it-triq għal poeti li ġew warajha bl-istess mod li Dun Karm influwenza ġenerazzjoni sħiħa ta’ poeti. Camilleri għalaq id-diskors tiegħu billi qal li dal-konkors nazzjonali se jservi bħala opportunità tajba biex kittieba ġodda u oħrajn stabbiliti jaraw fejn qegħdin fil-kapaċitajiet poetiċi tagħhom, u fl-istess ħin jikkontribwixxu biex jitjiebu l-parametri tal-poeżija bil-Malti. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo rrimarka kemm hi importanti l-poeżija biex tagħni lil-lingwa u ’l-kultura tal-pajjiż. Huwa kompla fuq dak li qal Camilleri, meta rrefera għaċ-ċentralità ta’ Doreen Micallef bħala eżempju li poeti ġodda u futuri f’Malta għandhom iħarsu lejh. Tkellem ukoll il-poeta Victor Fenech, rebbieħ tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2017, li rrimarka li l-kitbiet imqanqlin ta’ Doreen huma l-ogħla ġustifikazzjoni ta’ ħajja dedikata għall-qari u l-kitba. Żied li l-poeta kienet bħal stilla li dehret f’daqqa fi żmien il-Moviment Qawmien Letterarju tas-Sittinijiet – imma żgur li kienet ilha tikteb fis-solitudni ta’ ħajja sofferta. Wara dawn il-Maniġer Anzjan tal-KNK, Simona Cassano, elenkat il-lista ta’ regolamenti biex wieħed jipparteċipa fil-Konkors. Dawn jistgħu jinstabu fuq is-sit tal-Kunsill. Flimkien mal-applikazzjoni, l-applikant mistieden jissottometti 3 kopji ta’ poeżija waħda bil-Malti, li ma tkunx itwal minn 36 vers. Ix-xogħol irid ikun iffirmat bi psewdonimu u ma jridx ikun deher f’xi forma ppubblikata, la f’xi antoloġiji u lanqas f’ġurnali. L-applikant ma jistax jissottometti aktar minn xogħol wieħed. Ix-xogħol irid jintbagħat lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Ċentrali Pubblika, Triq Prof. Joseph J Mangion, il-Furjana FRN1800, mhux aktar tard mit-23 ta’ Awwissu 2019. Grupp ta’ ġurija maħtura mill-KNK se jkunu qed jaġġudikaw liema jkunu dawk it-tliet poeżiji li jġibu l-aktar marki. Fl-evalwazzjoni tagħhom l-aġġudikanti se jkunu qed isegwu damma ta’ kriterji. F’diskors usa’, il-ġurija se jintalbu jidentifikaw u jippremjaw kwalitajiet poetiċi bħall-awtentiċità, l-immaġinazzjoni, kemm il-vuċi poetika hi distinta, u l-użu oriġinali u ispirattiv tar-ritmu u l-figuri tat-taħdit. Madankollu hemm kwalitajiet oħra x’jitfittxu, ngħidu aħna l-konsistenza tar-reġistru, l-ortografija, il-grammatika, l-aspett viżwali u oħrajn li jġorru ċertu piż fl-evalwazzjoni. Kull parteċipant imħeġġeġ iniżżel il-kriterji u jiflihom sewwa. Il-poeżija rebbieħa tingħata €1,000; iż-żewġ poeti fit-tieni u t-tielet post jingħataw vawċer li jista’ jintnefaq fi ħwienet tal-kotba madwar Malta u Għawdex. L-aġġudikaturi għandhom id-dritt ma’ jagħtu l-premju lil ħadd jekk jaslu għall-konklużjoni li ma kienx hemm poeżiji li ħaqqhom jirbħu għax ma laħqux ċertu livell. Il-membri tal-Bord tal-KNK ma jistgħux jipparteċipaw fil-Konkors. Ir-rebbieħa tal-Konkors jitħabbru uffiċjalment f’ċerimonja l-Ġimgħa 8 ta’ Novembru waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Festival dis-sena se jsir bejn is-6 u l-10 tax-xahar, Dar il-Mediterran. Ir-regolamenti sħaħ, il-kriterji u l-formola tal-applikazzjoni għall-Konkors jistgħu jinstabu fis-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More