Home / News / Lon Kirkop: Ir-rebbieħ tal-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti 2023 back to news Lon Kirkop: Ir-rebbieħ tal-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti 2023 Other • Premju Nazzjonali tal-Ktieb 12th December, 2023 Minbarra kotba li jkunu ġew ippubblikati s-sena ta’ qabel, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għandu premji speċjali li jirrikonoxxu persuni li jkunu taw jew qed jagħtu kontribut siewi fil-qasam letterarju lokali. Wieħed minn dal-premji jmur għand awturi żgħażagħ li jkunu diġà ddistingwew ruħhom bil-kitba u x-xogħol artistiku tagħhom. Dal-premju jirrikonoxxi lil dak jew dik il-kittieba li tkun qed tistinka sabiex ittejjeb is-sengħa tal-kitba u l-ħila kreattiva tagħha. Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti dis-sena ngħata lil Lon Kirkop, li fl-istess serata rebaħ ukoll il-kategorija tad-drama bil-ktieb Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq (Merlin Publishers). Dixxiplini differenti jħawru ’l xogħlu Lon Kirkop (1991) iggradwa b’baċellerat bl-unuri fil-Fine Arts fl-2017 mill-MCAST, u fl-2022 kompla b’Masters fil-Printmaking mill-Cambridge School of Arts. Tul dawn l-aħħar snin, esebixxa x-xogħol viżiv tiegħu kemm ġewwa Malta kif ukoll fi bliet Ewropej oħra. F’ħafna mix-xogħol artistiku tiegħu, Kirkop jesplora dixxiplini differenti, fosthom, l-arti viżiva tal-printmaking, il-lingwa Maltija, il-mużika, kif ukoll l-arti performattiva. F’kummenti li kien ta dwar esebizzjoni ta’ pitturi tiegħu, Kirkop stqarr li jħobb jesperimenta b’mezzi u tekniċi differenti, u li estetikament xogħlu jinbidel skont it-temi u s-suġġetti li jkun irid jittratta. Madankollu Kirkop jgħid li jaffaxxina ruħu bl-idea ta’ xogħol artistiku li jinbena bis-saħħa ta’ saffi differenti fuq xulxin b’materjali differenti. It-trattament tas-suġġett skont polz soċjali Il-kitba ta’ Kirkop hija xhieda tas-saffi differenti li jaf jibnu x-xogħlijiet artistiċi tiegħu. Ma joqgħodx lura milli jesplora temi bħas-sesswalità, l-identità u l-politika skont polz soċjali li jieħu lill-qarrej fi vjaġġ emottiv sabiex jitqanqlu dawk il-konverżazzjonijiet meħtieġa. Fil-paġna letterarja dwar Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq, Mark Vella jikkummenta li d-drammi ta’ Kirkop huma eżempji ta’ teatru ħaj u qrib in-nies li jistgħu anki jinqraw bħala narrattiva miktuba. Skont Vella, Kirkop għandu l-kapaċità li jaħkem b’mod infurmat tema bħad-dibattitu dwar il-ġeneru u l-identità u jittrattaha bis-serjetà u bl-ironija meħtieġa. B’hekk bis-saħħa ta’ dal-bilanċ jagħmel id-diskussjoni aċċessibbli mingħajr ma jiżvalutaha. Fl-ewwel rumanz tiegħu Mitt Elf Isem Ieħor (Merlin Publishers), Kirkop jidħol fid-dinja tal-influencers u l-isfidi taż-żgħażagħ f’dinja ossessjonata mill-pjattaformi ta’ komunikazzjoni soċjali. Il-karattru ewlieni Manda, żagħżugħa ta’ tlettax il-sena, tinsab bejn żewġ dinjiet li ma tistax tifhimhom – fuq naħa familtha u fuq l-oħra x-xewqa li tkun ‘mitt elf ħaġa’ oħra skont l-esiġenzi tad-dinja ċibernetika. Fil-fatt dar-rumanz ma kienx biss popolari maż-żgħażagħ meta ġie ppubblikat, iżda anki mal-adulti u l-ġenituri. It-trattament frisk u mexxej ta’ suġġetti skomdi Vella jtennih fir-reċensjoni tiegħu dwar ir-rumanz, u jistqarr li Kirkop laqqgħu ma’ “mostri ġodda li qed ifeġġu f’ħajjet iż-żgħażagħ”. L-importanza ta’ konkorsi li jagħtu vuċi lil talenti ġodda Kirkop iddebutta fil-kitba meta ssottometta tliet drammi għall-Cospicua Short Play Festival 2019 u kien rebaħ il-premju għall-aħjar skript b’wieħed mid-drammi, Elektra. Minn hemmhekk iddeċieda li jikteb l-istorja li ffurmat ir-rumanz imsemmi hawn fuq. Madankollu waqt intervista Kirkop kien qal li naqaslu l-kuraġġ li javviċina pubblikatur, u minflok iddeċieda li jissottometti l-manuskritt għall-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Aġenzija Żgħażagħ, li eventwalment rebbħu l-istess konkors. It-traġitt ta’ Kirkop qed jieħdu wkoll fil-kitba tal-lirika għall-kanzunetti, fejn fost l-oħrajn rebaħ is-46 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Fil-Kexxun, u fl-edizzjoni ta’ wara rebaħ il-premju għall-aħjar tema soċjali b’Għadu ma Sarx, li kiteb il-kliem u anki l-mużika għaliha. Kien finalist b’Fittixni fil-konkors Mużika Mużika: Festival tal-Kanzunetta Maltija fl-2022, u ftit ilu tħabbar li l-kanzunetta Ġenna, miktuba minnu, hija semifinalista f’Mużika Mużika tal-2024. Waqt il-kelmtejn tiegħu fis-serata tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Lon Kirkop irrimarka li meta kittieb ikun fil-bidu tal-karriera tiegħu rikonoxximenti bħall-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti jew ir-rebħ ta’ konkorsi nazzjonali jgħinuh ikompli jagħraf li dak li jkun qed jagħmel huwa validu. Ir-rebbieħa kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 tħabbru l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru, u tista’ ssibhom hawnhekk. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jieħu nota tar-rebbieħa u l-finalisti kollha bħala riga tal-aħjar kotba ppubblikati fl-2022. Pubblikazzjonijiet Fil-Ħajja Li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq , 2022 – Ġabra ta’ drammi Mitt Elf Isem Ieħor: HappyVeganGirlJules , 2021 – Rumanz għaż-żgħażagħ Xogħol multidixxiplinarju Lura F’Ġuf Ommi, 2022 – litografija, mużika, poeżija, projezzjonijiet u performance live Ċella ta’ Wieħed, 2022 – tennija ta’ Lura F’Ġuf Ommi Drammi Fil-Ħajja li Jmiss), 2019 – dramm qasir Limbu, 2019 – dramm qasir Elektra, 2019 – dramm qasir Liżar Roża, 2021 – dramm qasir ‘l Alla ta’ Wara l-Ħġieġa, 2021 – dramm qasir Passi mill-Kuritur, 2021 Kanzunetti Fil-Kexxun, 2022 – mużika u lirika Fittixni, 2022 – lirika Xogħol viżiv Out of Focus, 2022 – litografija SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More