Skip to content

Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2021

Image of Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2021

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir qed iħabbar li l-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2021 iddeċieda u qabel dwar is-sottomissjonijiet rebbieħa għal din l-edizzjoni tal-Fond.

L-għan ewlieni tal-fond huwa li jissussidja pubblikazzjonijiet ta’ kwalità u li jeħtieġu l-fondi sabiex jiġu ppubblikati, pubblikazzjonijiet li mhumiex meqjusa bħala kummerċjalment vijabbli, u li għandhom valur kulturali. Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu skont damma ta’ kriterji mfassla minn qabel, fosthom il-valur kulturali tal-pubblikazzjoni proposta, u l-ħtieġa tal-finanzjament minħabba n-natura speċjalizzata u mhux kummerċjali tal-proġett.

Il-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2021 kien magħmul minn tliet aġġudikaturi – Is-Sinjura Maria Giuliana Fenech, Prof. Yosanne Vella, u Dr Toni Sant.

Kien hemm kwalità għolja ħafna fis-sottomissjonijiet għal din l-edizzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb fit-tliet kategoriji kollha, kif ukoll varjetà ta’ ġeneri, partikolarment fil-kategorija tal-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni. L-aġġudikaturi eżaminaw kull applikazzjoni skont is-sħuħija tagħha, l-ispiża ta’ kull proġett, il-vijabilità, u l-valur kulturali. Wara analiżi bir-reqqa tal-aspetti kollha ta’ kull applikazzjoni sottomessa, taw il-marki lil kull proposta b’mod indipendenti.

Id-data tal-iskadenza għas-sottomissjonijiet kienet it-30 ta’ Ġunju, u t-tliet aġġudikaturi ħadmu b’mod indipendenti fuq l-istess settijiet ta’ applikazzjonijiet sas-26 ta’ Lulju, sakemm qasmu ma’ xulxin l-ewwel reazzjonijiet evalwattivi tagħhom. Matul l-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu t-tliet folji evalwattivi u indipendenti ngħaqdu f’waħda u fid-9 ta’ Awwissu r-rapport u l-lista finali tal-benefiċjarji waslu għand il-KNK. Il-parti l-kbira tal-benefiċjarji ġew allokati lilhom fondi intieri, sabiex jippermettu l-pubblikazzjoni ta’ kull proġett iffinanzjat.

Tajjeb li wieħed jinnota li, minħabba li kull għotja kellha massimu ta’ fondi allokati għaliha (€ 50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni, € 40,000 għat-Traduzzjonijiet mill-Malti għal lingwi oħra, u € 15,000 għal Traduzzjonijiet għall-Malti) u anki għaliex xi proposti marru aħjar minn oħrajn billi ssodisfaw ir-regolamenti, ġie deċiż li xi proġetti jingħataw fondi parzjali, jiġifieri ngħataw inqas fondi minn kemm kienu oriġinarjament mitluba mill-applikant. Peress li dal-proġetti xorta tqiesu li għandhom valur kulturali sinjifikanti, il-bord tal-aġġudikaturi tahom parti minn dak li talbu bil-ħsieb li dan jgħinhom jiġu ppubblikati xorta waħda.

Importanti jiġi nnutat ukoll li jekk wieħed ma rnexxilux jikkwalifika għall-fondi did-darba ma jfissirx li ma jistax japplika mill-ġdid bl-istess proġett jew bi proġett differenti meta terġa’ toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.

Wara l-proċess tal-għażla u l-pubblikazzjoni tar-riżultati, il-KNK se jikkuntattja lill-applikanti rebbieħa biex jiffirmaw il-kuntratt tal-benefiċjarju, jingħadda lilhom il-fond, u jsir il-ftehim fuq iż-żmien għat-twettiq tal-proġett. Il-kotba għandhom jiġu ppubblikati fi tmintax-il xahar minn meta l-applikanti jiffirmaw il-kuntratt.

Il-proġetti rebbieħa skont il-kategorija tal-Fond, bl-isem tal-benefiċjarju u l-ammont mogħti tista’ tarahom mit-tabelli hawn taħt:

Għotjiet għall-Publikazzjoni

Għotjiet għat-Traduzzjoni – Kat. 1 Traduzzjoni ta’ kotba Maltin

Għotjiet għat-Traduzzjoni – Kat. 2 Traduzzjoni għall-Malti

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.