Skip to content

Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2022

Image of Joħorġu r-riżultati tal-Fond Malti tal-Ktieb 2022

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir qed iħabbar li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2022 iddeċieda u qabel dwar is-sottomissjonijiet rebbieħa għal din l-edizzjoni tal-Fond. Se jkunu qed jieħdu l-fondi 29 proġett bejn proġetti ta’ pubblikazzjoni u oħrajn ta’ traduzzjoni.

L-għan ewlieni tal-għotjiet differenti fil-fond huwa li jissussidja proġetti għal kotba li għandhom valur kulturali imma jeħtieġu l-għajnuna minħabba nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali. Il-proġetti rebbieħa ntgħażlu skont damma ta’ kriterji mfassla minn qabel, fosthom il-valur kulturali u edukattiv tal-pubblikazzjoni proposta, u l-ingaġġ mas-suq tal-pubblikazzjoni u l-udjenza mira.

Il-Bord tal-Aġġudikazzjoni tal-Fond Malti tal-Ktieb 2022 kien magħmul minn Simone Inguanez, Dr Mario Aquilina, Dr Mario Thomas Vassallo u Katryna Storace. Dawn raw l-applikazzjonijiet kollha indipendentement, skont kriterji bħas-sħuħija tal-applikazzjoni, l-attwazzjoni tal-proġett u l-mertu kulturali. L-applikazzjonijiet jistgħu jirċievu fondi daqs kemm talbu, jew parzjalment.

L-aġġudikanti nnutaw li bħala regola ġenerali l-kwalità tal-proġetti sottomessi kienet għolja, li deher ukoll mill-fatt li bosta minnhom ġabu l-marka minima eliġibbli għalbiex tingħata l-fond, jiġifieri 60. Tkellmu wkoll dwar dawk l-applikazzjonijiet li ma kinux mirfuda minn siltiet mill-proġett propost u kif dawn kellhom inqas ċans minn ħaddieħor biex jieħdu l-fond, kif ukoll, u dawn l-aktar għal proġetti tat-traduzzjoni, li dawk l-applikazzjonijiet li inkludew pjan iddettaljat dwar is-suq mira u d-distribuzzjoni marru aħjar minn oħrajn.

Sad-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet fit-30 ta’ Ġunju, il-Fond Malti tal-Ktieb 2022 irċieva 74 sottomissjoni eliġibbli mifruxa fil-fergħat differenti. Il-baġit totali kien ta’ €120,000, li nqasmu f’€50,000 għall-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda, €10,000 għall-Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa, €55,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni u €5,000 għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch.

Kull għotja tista’ twieżen sa 100% tal-proġett propost u sa massimu ta’ €5,000 f’kull fergħa, tneħħi dawk fl-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch, li jistgħu jingħataw sa €500 kull proposta. Sabiex jiġi assigurat li l-Fond iwieżen kemm jista’ jkun proġetti li jkun ħaqqhom u li l-flus jintużaw kollha, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriżerva d-dritt li jmexxi fondi mhux utilizzati minn fergħa għal oħra.

Importanti jiġi nnutat ukoll li jekk wieħed ma rnexxilux jikkwalifika għall-fondi did-darba ma jfissirx li ma jistax japplika mill-ġdid bl-istess proġett jew bi proġett differenti meta terġa’ toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet.

Il-KNK se jkun qed jikkuntattja lill-applikanti li ħadu l-fondi sabiex jiffirmaw il-kuntratt, li jagħtihom ċans 18-il xahar sabiex jitlesta l-proġett.

Il-proġetti rebbieħa skont il-kategorija tal-Fond, bl-isem tal-benefiċjarju u l-ammont mogħti tista’ tarahom mit-tabelli t’hawn taħt:

Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda

*Gabriel Grioli ngħata l-fond parzjali ta’ 1,053 Euros wara li Mark Vella m’aċċettax il-fond mogħti lilu (ara Għotjiet għat-Traduzzjoni Kat 2).

Għotjiet għal Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa

Għotjiet għat-Traduzzjoni Kat 1: Traduzzjoni ta’ Kotba Maltin

Għotjiet għat-Traduzzjoni Kat 2: Traduzzjonijiet għall-Malti

*Il-fond li kellu jmur għand Mark Vella għadda għand Gabriel Grioli (ara Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda).

Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.