Skip to content

Il-KNK u l-Wikimedia Malta jġeddu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Image of Il-KNK u l-Wikimedia Malta jġeddu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u l-Wikimedia Community Malta (WCM) ġeddew il-kollaborazzjoni tagħhom sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà u titjieb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-Letteratura Maltija fuq il-Wikipedija u l-Wikidata, speċifikament dik dwar ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb sa mill-bidu tiegħu fl-1971.

Dan it-tiġdid jibni fuq ix-xogħol li sar fl-2025, meta tħabbru żewġ wikimedians in residence li organizzaw diversi laqgħat u gruppi ta’ ħidma sabiex tinġabar l-informazzjoni u tinħoloq id-dejta neċessarja bħala wikidata. 

Fl-2025 inġabret id-dejta meħtieġa f’entrati strutturati mill-wikimedians in residence, li kienet tinkludi r-referenzi, is-sorsi, u r-ritratti ta’ kull rebbieħ jew rebbieħa tal-Premju minn bnadi differenti, fosthom mill-arkivji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u minn qatgħat ta’ gazzetti merfugħa diġitalment fil-libreriji.

Il-pass li jmiss huwa li din il-Wikidata titma’ lill-Wikipedija bil-Malti b’mod strutturat sabiex tkun aċċessibbli dejjem lill-pubbliku. Jeħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-komunità ta’ persuni li jikkontribwixxu fil-proġett, kif kien hemm persuni li wrew interess matul l-attivitajiet li saru kemm matul l-2025 u anki waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Fl-edizzjoni tal-Festival ta’ dis-sena, se jittellgħu gruppi ta’ ħidma dwar kif jinkitbu l-artikli u jittellgħu r-ritratti fuq dil-pjattaforma globali.

Il-Wikidata li nġabret tul l-2025 se sservi wkoll bħala punt ta’ riferiment sabiex tul l-2026 jibdew jinkitbu l-artikli dwar l-awturi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li jagħtu informazzjoni aktar komprensiva u ddettaljata. Fl-ispirtu tal-komunità tal-Wikipedija mad-dinja kollha, dawn l-artikli jinkitbu minn persuni li juru interess u li jitħarrġu dwar kif jinkiteb artiklu mid-WCM. Minbarra li jagħtu l-informazzjoni lil kull min jixtieq isir jaf aktar, dawn l-artikli jippreżervaw il-wirt biblijografiku tal-Letteratura Maltija, u jsaħħu r-relevanza akkademika u r-riċerka dwar letteraturi b’lingwi żgħar.

Is-sena l-oħra, wikimedian in residence minn din il-kollaborazzjoni, Enriquè Tabone, irrappreżentat lil Malta b’dan il-proġett dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb waqt il-konferenza WikiCite 2025 f’Bern, l-Iżvizzera.

Tista’ tniżżel din il-preżentazzjoni minn hawn, li inkludiet ukoll informazzjoni interessanti, fosthom ir-relazzjoni li għandu kull rebbieħ tal-Premju mal-bqija tad-dinja u x’tip ta’ relazzjoni hi, jew inkella kif jinqasmu r-rebbieħa bejn dawk nisa u dawk irġiel.

Jekk trid tkun taf aktar jew tikkontribwixxi f’dan il-proġett, imla din il-formola qasira: http://wikimalta.org/kotba

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.