Fis-26 ta’ Jannar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) tella’ l-Laqgħa Annwali ta’ Konsultazzjoni għall-Awturi u l-Pubblikaturi, li fiha tħabbru d-dati tal-avvenimenti u l-inizjattivi ewlenin tiegħu għall-2023, fosthom ir-reviżjoni strateġika tad-dati tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Kunsill informa lill-imsieħba dwar il-bidliet fil-Fond Malti tal-Ktieb u l-applikazzjoni għall-ISBN/ISMN, u leħħen il-viżjoni tiegħu għat-tnax-il xahar li ġejjin.

Il-pjan ta’ żvilupp tal-KNK għal bejn l-2023 u l-2024 iwieżen lill-imsieħba sabiex dawn ikollhom lok fejn jikbru, u jimmira li jtejjeb il-qagħda tal-ktieb Malti lokalment u lil hinn. L-objettiv tal-KNK hu li jissaħħaħ fit-trasparenza u l-qsim tal-informazzjoni dwar dak li għandu x’jaqsam mal-amministrazzjoni tal-konkorsi u l-premji, u anki fis-servizzi kollha offruti lill-imsieħba. F’dad-dawl, il-KNK se jkun qed jaħdem mal-NSO sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jitnieda s-Sondaġġ dwar l-Entitajiet Pubbliċi għall-2022, b’damma ta’ mistoqsijiet ġodda li jirriflettu aħjar ir-realtajiet tal-industrija tal-kotba f’Malta.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – appuntament annwali għal dawk kollha li jħobbu l-kotba u l-qari – se jsir mit-18 sat-22 t’Ottubru l-MFCC, filwaqt li ċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb se ssir fl-24 ta’ Novembru u fiha se jiġu ppremjati l-kategoriji tal-kotba għall-adulti kif ukoll dawk tal-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti. Il-KNK qed jaħdem sabiex ikun hemm patrunaġġ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li jagħmillu ġieħ u jgħolli l-istatura tiegħu.

Ix-xogħol għaddej fuq kampanji promozzjonali u ta’ marketing multimedjali, fosthom kampanja ta’ trailers dwar kotba u t-tieni serje ta’ poddati letterarji.

L-esportazzjoni letterarja hija vitali għall-industrija tal-kotba Maltija, u l-KNK iħabrek kontinwament sabiex iqabbad awturi lokali ma’ pubblikaturi barranin. Il-Kunsill kommess sabiex fl-2023 u l-2024 isaħħaħ il-kuntatti barranin li għandu u jixpruna inizjattiva sabiex titwaqqaf aġenzija letterarja u l-infrastruttura li twieżen lil awturi u pubblikaturi biex jidħlu fi swieqi tal-pubblikazzjoni barranin.

Inħarsu ’l quddiem għal sena mimlija xogħol, kotba, u letteratura.

DATI EWLENIN

IL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB

Ftuħ is-sejħa: l-14 ta’ Frar

Għeluq is-sejħa: is-7 ta’ Marzu

Iċ-ċerimonja: l-24 ta’ Novembru

Aktar informazzjoni hawnhekk.

Ħarsa ħafifa:

– 8 premji għall-adulti bejn kategoriji letterarji u ta’ riċerka, u 6 għat-Terramaxka (kotba għat-tfal u l-adolexxenti)

– Konkors kompetittiv

– Aġġudikazzjoni indipendenti

Premi għal xogħlijiet oriġinali: €4,000

Premji għal traduzzjonijiet (Terramaxka biss): €2,000

Premji Speċjali: €4,000

IL-FESTIVAL TAL-KTIEB FUQ IL-KAMPUS

Dati: bejn it-22 u l-24 ta’ Marzu

Applikazzjoni għall-esebituri: mit-30 ta’ Jannar sas-6 ta’ Frar

IL-FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB

Id-dati tal-Festival: mit-18 sat-22 ta’ Ottubru

Applikazzjoni għall-esebituri: mill-15 ta’ Mejju sat-12 ta’ Ġunju

Aktar informazzjoni hawnhekk.

IL-KONKORS TA’ LETTERATURA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Ftuħ is-sejħa: l-24 ta’ Jannar

Għeluq is-sejħa: l-1 ta’ Settembru

Iċ-ċerimonja: it-12 ta’ Jannar 2024

Aktar informazzjoni hawnhekk.

IL-LONDON BOOK FAIR

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jirrappreżenta lill-awturi u pubblikaturi Maltin waqt il-London Book Fair, li se ssir bejn it-18 u l-20 ta’ April.

Ħarsa ħafifa:

– inqajmu interess fil-kotba Maltin sabiex dawn jidħlu fi swieqi barranin

– niltaqgħu ma’ kuntatti antiki u aġenziji letterarji ġodda sabiex niffaċilitaw ftehimiet ġodda;

– intellgħu seminar u sessjonijiet ta’ qari sabiex nippromwovu l-letteratura Maltija ma’ qarrejja u pubblikaturi interessati

IL-KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA DOREEN MICALLEF

Ftuħ is-sejħa: it-13 ta’ Ġunju

Għeluq is-sejħa: id-19 t’Awwissu

Aktar informazzjoni hawnhekk.

Ħarsa ħafifa:

L-ewwel premju: €1,000

It-tieni premju: €100

It-tielet premju: €50

– Aġġudikazzjoni indipendenti

– Il-poeżiji evalwati anonimament

– Konkors kompetittiv

– Għal poeżiji bil-Malti li ma jaqbżux is-36 vers

IL-FOND MALTI TAL-KTIEB

Ftuħ is-sejħa: it-12 ta’ April

Għeluq is-sejħa: il-5 ta’ Ġunju

Tħabbir tar-riżultati: l-1 t’Awwissu

Aktar informazzjoni hawnhekk.

Ħarsa ħafifa:

Somma annwali: €120,000

Għotja massima: €500-€5,000

– Għal kotba fi stadju ta’ proġett (mhux ippubblikati)

– Biex jitwieżnu pubblikazzjonijiet mhux kummerċjabbilment vijabbli

– Biex iwieżen traduzzjonijiet mill-Malti u għall-Malti

– Biex iwieżen ir-ripubblikazzjoni lokali ta’ kotba Maltin li m’għadekx issibhom fl-istampa

– Biex iwieżen it-traduzzjoni ta’ siltiet minn kotba li jintużaw biex iqajmu l-interess ta’ pubblikaturi lokali u internazzjonali

– Aġġudikazzjoni indipendenti

JEDDIJIET TAS-SELF PUBBLIKU (PLR)

Applikazzjonijiet milqugħa s-sena kollha

Il-formola tal-applikazzjoni u aktar informazzjoni hawnhekk.

Ħarsa ħafifa:

Somma annwali: €60,000

Ħlas massimu f’sena: €5,000

– Għal awturi; koawturi; illustraturi u fotografi (50% jew aktar mill-kontenut); edituri

– Ħlas maħruġ kull tliet xhur

– Skema estiża għal kotba mislufa mil-Librerija tal-Università ta’ Malta (ISBNS lokali) – maħruġ kull sena

– Fondi allokati għal kull perjodu li jinqasmu bil-perċentwal skont l-istatistika tas-self

ISBN u ISMN

Applikazzjonijiet milqugħa s-sena kollha

Il-formola tal-applikazzjoni u aktar informazzjoni hawnhekk.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – X’inhu xogħolna?

– norganizzaw avvenimenti nazzjonali u internazzjonali, minn uħud żgħar sa oħrajn kbar: il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus;

– naġixxu bħala aġenzija letterarja għall-awturi u l-pubblikaturi f’fieri tal-kotba barra minn Malta;

– norganizzaw konkorsi letterarji;

– namministraw il-ħlasijiet tal-jeddijiet tas-self pubbliku (PLR), u l-ISBN u l-ISMN;

– nikkordinaw, niffaċilitaw, u nissussidjaw proġetti lokali u ta’ esportazzjoni letterarja (Il-Fond Malti tal-Ktieb);

– namministraw fondi awdjoviżivi għal produzzjonijiet ta’ kotba relatati mal-letteratura


Share Article