Kollox lest sabiex għada tiftaħ l-għaxar edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, magħruf ukoll bħala Kampus Kotba.

Dan il-Festival, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), huwa l-uniku avveniment tax-xorti tiegħu li jittella’ kull sena fl-Università ta’ Malta b’kollaborazzjoni ma’ diversi dipartimenti, għaqdiet studenteski, NGOs u entitajiet governattivi mill-qasam kulturali.

Tul dawn it-tlitt ijiem li ġejjin, kemm l-istudenti kif ukoll il-pubbliku jistgħu jaqbżu qabża sal-Kwadranglu u jqallbu fil-mijiet ta’ kotba li se jkunu għall-bejgħ minn fuq l-istands. Se jkun hemm bosta pubblikaturi u ħwienet tal-kotba ewlenin bl-aktar kotba riċenti minn Malta, ngħidu aħna Ede Books u l-koperattiva Kixott, Faraxa Publishing, Horizons, Kite Group, Klabb Kotba Maltin/Midsea Books, SKS Publishers u Mallia & D’Amato Bookshelf Curators. Magħhom se jkun hemm ukoll għaqdiet studenteski, entitajiet kulturali u NGOs, bħal Think Magazine, l-Għaqda tal-Malti – Università, LGBTI+ Gozo, u l-Kunsill Malti għall-Arti.

Fl-istess ħin, tħejja programm ta’ attivitajiet li jolqot interessi varji, u li jinkludi diskussjonijet tematiċi, klabb tal-kotba, intervisti ma’ kittieba u riċerkaturi lokali u internazzjonali, diskussjonijiet dwar il-letteratura, temi kurrenti fil-qasam tal-pubblikazzjoni, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, workshops u apprezzamenti ta’ figuri ċentrali Maltin.

Is-sabiħ ta’ dan il-programm huwa l-element kollaborattiv tiegħu, fil-fatt wieħed jista’ jinnota avvenimenti varji, ngħidu aħna l-workshop tal-illustrazzjoni mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-qari ta’ kitbiet inediti li jixħtu dawl fuq ir-realtajiet tal-persuni LGBTI f’Għawdex, sessjoni ta’ poeżija slam mill-Għaqda tal-Malti, workshop ta’ kitba kreattiva dwar il-letteratura għaż-żgħażagħ, diskussjoni dwar il-ġeneru taċ-chapbook f’Malta minn Ede Books, u ma jonqosx il-Palk Ħieles organizzat minn Inizjamed li fih tista’ tiġi u tesebixxi l-arti tiegħek. Ma jonqsux l-avvenimenti organizzati mill-KNK, fosthom intervisti lir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2022 Tyrone Grima u Alfred Buttigieg.

Jekk tħobb il-mużika għandek raġuni oħra għalxiex tattendi Kampus Kotba. Dis-sena se jkollna sezzjoni ddedikata għat-twaħħid tal-mużika u l-letteratura Maltija, bl-isem ta’ ‘Ħsejjes Letterarji’ li se tesponi lill-pubbliku għal eżempji ta’ kotba minn Malta mwaħħda mal-mużika permezz ta’ kodiċi QR li jieħdok biex tisma’ saħansitra playlists sħaħ ta’ mużika li ssibha fil-ktieb li jkun. Filwaqt li wieħed jesperjenza r-rabta bejn il-mużika u l-letteratura, il-pubbliku se jkun jista’ jinnota u jispekula għaliex intużat mużika u mhux oħra f’xi ktieb, u fl-istess ħin il-mużika taf tgħinek tiddeċiedi xi ktieb tixtri u xi tħalli għal aktar tard.

Id-dħul għal Kampus Kotba – Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa bxejn, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sal-4pm, u l-Ġimgħa mid-9am sas-7pm. Segwi l-paġna FB tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus u l-paġna tal-avvenimenti Kampus Kotba għal aktar dettalji.


Share Article