Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2022


Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2022 tħabbru llejla waqt ċerimonja privata ġewwa l-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA) il-Belt li attenda għaliha s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jingħata kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-għan li jiċċelebra l-ogħla kisbiet fil-pubblikazzjoni tal-letteratura u r-riċerka f’Malta.
Fid-diskors tal-ftuħ il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, irrimarka li minkejja numru ta’ sfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-pubblikaturi, xorta waħda n-numru sabiħ ta’ sottomissjonijiet għall-premju kien wieħed tajjeb. Din kienet l-ewwel edizzjoni tal-Premju li inkludiet il-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti, u ssarrfet f’ċelebrazzjoni waħda tal-letteratura Maltija. Il-kotba rebbieħa u dawk finalisti – li għandhom mertu ta’ kwalità kif qalu l-aġġudikanti tal-bord indipendenti – se jkunu għall-bejgħ waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u l-awturi ċċelebrati f’dan l-avveniment nazzjonali. Camileri temm billi elenka għadd ta’ kisbiet li saru mill-KNK dis-sena, fosthom il-kollaborazzjonijiet varji ma’ entitajiet oħra u ż-żieda fl-awturi fl-iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku.
Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti minn lista ta’ finalisti li għaddet 63 ktieb, kollha ppubblikati s-sena ta’ qabel u mifruxa fuq 14-il kategorija kompetittiva. Dawn kienu maqsuma fi 43 ktieb fit-tmien kategoriji tal-adulti, u 20 fis-sitta tat-tfal u ż-żgħażagħ – magħruf aktar bħala l-Premju Terramaxka. Il-proċess tal-aġġudikazzjoni beda f’Mejju meta ġiet ippubblikata l-lista sħiħa ta’ sottomisjonijiet eliġibbli, li kienu jammontaw għal 199 ktieb.
Barra minn hekk, ingħataw il-premji speċjali hekk kif imniżżla fir-regolamenti ta’ dis-sena. L-aktar premju prestiġġjuż – il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura – ingħata lill-Professur Henry Frendo bħala rikonoxximent tas-sehem imprezzabbli tiegħu fil-qasam tal-istorjografija Maltija. Il-Premju Poeta Lawreat rebħitu Nadia Mifsud, wara li kienet rebħet il-kategorija tal-poeżija darb’oħra fl-2016 bil-ktieb Kantuniera ’l Bogħod. Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mar għand l-awtur u artist viżiv Matthew Schembri, li kiteb Stessi (2018) u Ħassartek (2021).
F’messaġġ mibgħut bħala filmat, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-On. Clifton Grima, qal li din iċ-ċerimonja hi waħda prestiġġjuża, tagħti l-ġieħ mistħoqq lil dawk kollha involuti fil-qasam tal-pubblikazzjoni, u tagħraf il-ħiliet tal-kittieba Maltin. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li qed iżommu s-settur ħaj minkejja d-diffikultajiet feraħ lill-finalisti kollha, speċjalment lir-rebbieħa.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-membri kollha tal-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2022; Kristy Borg, Nicole Bugeja, Giuliana Fenech, Mario Ellul, Rachel Baldacchino, Carmel Borg, Maria Theuma, Robert Pisani u Caldon Mercieca. Ringrazzjament imur ukoll lil Margareth Callus minn Malta Libraries, li ċċekkjat li l-kotba kienu sottomessi fil-kategorija t-tajba.
Ir-rebbieħa:
RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
TYRONE GRIMA – Frammenti
NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
ĠORĠ MALLIA (ed.) – Il-Ħamsin: 24 Awtur, 24 Storja, in-Numru 50
POEŻIJA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
NADIA MIFSUD – Varjazzjonijiet tas-Skiet
DRAMA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
ALFRED BUTTIGIEG – L-Interrogazzjoni
TRADUZZJONI
MARY ROSE MIFSUD – Anne Frank: id-Djarju ta’ Tfajla – Edizzjoni Definittiva
LETTERATURA MHUX FITTIZJA
ALFRED SANT – Confessions of a European Maltese: The Middle Years, 1975-1992
RIĊERKA ĠENERALI
CONRAD THAKE – Art Nouveau To Modernism : Architecture in Malta 1910-1950
RIĊERKA BIJOGRAFIKA U STORJOGRAFIKA
JESSICA MUSCAT – The Darmanin Artists: Decorative Marble Production for the British Empire
PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA
KITE GROUP – The Darmanin Artists: Decorative Marble Production for the British Empire
PREMJU GĦALL-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI
MATTHEW SCHEMBRI
PREMJU POETA LAWREAT
NADIA MIFSUD
PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA
HENRY FRENDO
Il-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ
XOGĦLIJIET ORIĠINALI GĦAL TFAL TA’ BEJN 0-7 SNIN
AUNTY SAB, EMMA GALEA NAUDI (ILL.) – Ride the Feeling
XOGĦLIJIET ORIĠINALI GĦAL TFAL TA’ BEJN 8–12-IL SENA
MARIA BORG CREMONA, CARMEL BUSUTTIL, MATT STROUD (ILL.) – Vjaġġ bil-Ballun
LETTERATURA GĦAŻ-ŻĠĦAŻAGĦ
CLARE AZZOPARDI, NAOMI GATT (ILL.) – #noħlomlixidarba
XOGĦLIJIET MAQLUBA GĦALL-MALTI GĦAL TFAL TA’ BEJN 0-7 SNIN
CLARE AZZOPARDI – Mustaċċi Jivvintahom
XOGĦLIJIET MAQLUBA GĦALL-MALTI GĦAL TFAL TA’ BEJN 8-12 -IL SENA
NOEL TANTI – Vrumm! L-Istorja tal-Karozzi
LETTERATURA GĦAŻ-ŻĠĦAŻAGĦ TRADOTTA
DWAYNE ELLUL – Sherlock, Lupin u Jien: Il-Misteru tal-Warda Ħamra
PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA
MERLIN PUBLISHERS – Mila u l-Iljun ir-Rieqed