Home / News / Kulm’għandek tkun taf fuq il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 back to news Kulm’għandek tkun taf fuq il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 Festivals • Other 1st November, 2022 Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, l-akbar avveniment kulturali lokali dedikat għall-kotba u l-qari f’Malta, se jittella’ għat-tieni sena konsekuttiva fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), f’Ta’ Qali. Il-bibien se jinfetħu għall-pubbliku għal ħamest ijiem sħaħ, minn nhar l-Erbgħa, it-23 ta’ Novembru, sa nhar il-Ħadd, is-27 ta’ Novembru. Hawnhekk se ssib kulm’għandek tkun taf biex tieħu kemm tista’ minn dawn il-ħamest ijiem ta’ ċelebrazzjoni tad-dinja tal-ktieb, tal-pubblikazzjoni, u tal-qari. L-edizzjoni ta’ din is-sena bniet fuq il-legat li ilu jinbena, u ġibdet lejha lista twila ta’ parteċipanti mis-setturi kollha li jaħdmu direttament fl-industrija tal-ktieb u lil hinn. Dan ippermetta lill-Festival jiċċelbra l-kultura tal-ktieb fil-forom kollha tagħha. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) stinka biex il-Festival ikun inklussiv kemm jista’ jkun u kkollabora ma’ diversi entitajiet u partijiet intressati biex jilħaq dan l-għan. Programm kulturali x’tiskopri Il-programm jinkludi aktar minn 100 avveniment immirati għat-tfal, il-familja, il-professjonisti fil-pubblikazzjoni u l-pubbliku ġenerali. Dawn jinkludu diversi tnedijiet ta’ kotba, preżentazzjonijiet, laqgħat mal-awturi, sessjonijiet ta’ ffirmar ta’ kotba, seminars, diskussjonijiet tematiċi u wiri ta’ films. L-avvenimenti tal-Festival qed jiġu organizzati mill-KNK f’kollaborazzjoni ma’ pubblikaturi, awturi, bejjiegħa tal-kotba, assoċjazzjonijiet tal-istudenti, NGOs u aġenziji tal-gvern. L-esebituri Fil-qalba tal-Festival, se jkun hemm numru rekord ta’ 50 esebitur, li huma lkoll marbutin mal-industrija tal-ktieb, u li ħafna minnhom qed jorganizzaw diversi avvenimenti li jarrikkixxu l-programm tal-Festival. Firxa wiesgħa ta’ kotba, li tinkludi r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2022, se jkunu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Tista’ tiskopri min huma l-esebituri tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 hawnhekk. It-tnedijiet u l-preżentazzjonijiet tal-kotba jibqgħu elementi essenzjali tal-Festival. Fost dawn hemm Kotba Calleja li se jniedu l-ewwel rumanz ta’ Ryan Falzon, Sajf; SKS se jirrappreżentaw ir-ripubblikazzjoni tar-rumanz L-Ibleh ta’ Ġużè Orlando; u l-organizzazzjoni studenteska Għaqda ta’ Malti se tniedi l-41 edizzjoni tar-rivista tagħha Leħen il-Malti. Se jittella’ wkoll seminar fuq il-produzzjoni tal-kotba minn Gutenberg Press. Programm speċjali għat-tfal u l-familji Il-ħinijiet ta’ filgħodu ta’ minn nhar l-Erbgħa, 23, sa ta’ nhar il-Ġimgħa, 25 se jkunu dedikati b’mod speċjali għall-istudenti rreġistrati mill-iskejjel f’Malta u Għawdex. Kull student irreġistrat se jingħata vawċer ta’ €5, sabiex waqt li jduru mad-diversi stands tal-esebituri, jistgħu jagħżlu l-ktieb li jridu jieħdu d-dar magħhom. Grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Festival ŻiguŻajg, l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jaraw waħda minn żewġ produzzjonijiet teatrali li se jittellgħu kuljum, immirati għal etajiet differenti. Matul l-ewwel jumejn, il-produzzjonijiet teatrali se jkun adattati mill-kotba rebbieħa għat-tfal tal-Premju Terramaxka 2022, waqt li dawk ta’ nhar il-Ġimgħa, se jkollhom lill-kittieb John Boyne u l-illustratur Gattaldo bħala mistiedna speċjali. Ir-reġistrazzjoni għal dawn huma magħluqa. L-attivitajiet għat-tfal ikomplu waranofsinhar u fi tmiem il-ġimgħa. Nhar is-Sibt, it-tfal ta’ bejn seba’ u tnax-il sena jistgħu jinkitbu għal workshop esklussiv u ta’ darba fuq l-illustrazzjoni ma’ Gattaldo, l-awtur tal-ktieb għat-tfal Fearless maqlub għall-Malti bħala Il-Ġurnalista (Midsea Books) minn Immanuel Mifsud. Bejn is-Sibt u l-Ħadd, se jittellgħu wkoll żewġ produzzjonijiet teatrali minn Żigużajg għall-familja kollha, bħala parti mill-programm tal-Festival Żigużajg. Tista’ tikklikkja hawnhekk biex tixtri biljett għal Coco the Singer, the Chocolate Finger. Bl-eċċezzjoni ta’ din il-produzzjoni, id-dħul għall-avvenimenti l-oħra kollha mtellgħa waqt il-Festival huma b’xejn. Fl-ispirtu tal-inklużjoni, u grazzi għall-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Inspire, fir-Rainbow Hall, se titwaqqaf Sensory-Friendly Room, li se toffri spazju ideali għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu sabiex isegwu attivitajiet ta’ rakkuntar ta’ stejjer f’ambjent sigur u inklussiv. L-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma se tkun preżenti wkoll waqt il-Festival, bi programm ta’ avvenimenti għat-tfal, li jinkludi sessjonijiet ta’ qari u esperimenti xjentifiċi marbutin mas-sigurtà, is-sostennibbiltà u l-affordabbiltà tal-enerġija u l-ilma. Ikklikkja hawnhekk biex tiskopri aktar fuq l-avvenimenti kollha mmirati għat-tfal u l-familji. Il-Mistiedna Internazzjonali tal-Festival: John Boyne u Joe Sacco John Boyne, l-awtur tal-bestseller The Boy in the Striped Pyjamas (David Fickling Books), se jkun il-mistieden internazzjonali ewlieni. Il-preżenza tiegħu fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb hija parti mit-tour internazzjonali tal-pubblikazzjoni tal-aħħar rumanz tiegħu All the Broken Places (Doubleday), li ntlaqa’ tajjeb mill-kritiċi. Boyne se jagħmel l-ewwel dehra tiegħu fil-produzzjonijiet teatrali ta’ nhar il-Ġimgħa minn ŻiguŻajg għall-istudenti. Aktar tard fl-istess jum, se jiġi intervistat mill-awtriċi Leanne Ellul, rebbieħa ta’ diversi premji, u wara se jiffirma personalment il-kotba tiegħu. Il-kartunist-ġurnalist Malti-Amerikan Joe Sacco, li hu rinomat globalment, se jiġi intervistat mill-ġurnalist tal-Malta Today, James Debono, nhar il-Ħamis, l-24 ta’ Novembru. Wara l-intervista, Joe Sacco se jiffirma personalment il-kotba tiegħu. Nhar is-Sibt, Sacco se jkunu preżenti fuq il-panel għal diskussjoni mmoderata minn Teodor Reljić: What’s an Image worth – forms of visual storytelling, flimkien mal-fotoġurnalista Joanna Demarco u l-illustratur Gattaldo. Poddata Live Speċjali ma’ Jon Mallia Għal ħafna, ir-relazzjoni tagħhom mal-kotba hija speċjali. Għalhekk, matul l-ewwel jum tal-Festival, Jon Mallia, waqt li mdawwar mill-kotba u nies li jħobbu l-kotba, se jxandar podcast live, b’intervisti man-nies preżenti fuq ir-relazzjoni tagħhom mal-kotba, u liema kotba saħħew din ir-relazzjoni. Avvenimenti oħra organizzati mill-KNK – iljeli ċelebratorji, xogħol awdjoviżiv, u poeżija Il-KNK, f’kollaborazzjoni ma’ diversi msieħba lokali u internazzjonali, qed jorganizza diversi avvenimenti li jtellgħu fil-wiċċ l-isforzi li qed isiru biex jippromwovu l-letteratura Maltija. Nhar l-Erbgħa, it-23 ta’ Novembru, il-KNK u l-Aġenzija Żgħażagħ se jniedu edizzjoni mġedda tal-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ. Aktar tard fl-istess lejla, diskussjoni mmoderata minn Dr Immanuel Mifsud se ssellem lill-mibki Mario Azzopardi. Nhar il-Ġimgħa, il-25 ta’ Novembru, se jitħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef, waqt li l-pubbliku se jkun jista’ jassisti għal qari mir-rebbieħ tas-sena l-oħra Carmel Scicluna, u tar-rebbieħa ta’ din is-sena. Nhar is-Sibt, 26 ta’ Novembru, filgħodu se jittellgħu diversi avvenimenti relatati mal-industrija tal-pubblikazzjoni. L-aġent letterarju ta’ John Boyne, Simon Trewin se jippreżenta t-taħdita Confessions of a literary agent, dwar l-irwol tal-aġent. L-istess aġent se jwieġeb għal mistoqsijiet minn awturi prospettivi jew ippubblikati, kif ukoll minn individwi li qed jaħsbu biex jibdew karriera fid-dinja tal-pubblikazzjoni. Aktar tard matul il-jum, se jittellgħu sessjonijiet ta’ Literary Speed Dating ma’ professjonisti fl-industrija. Jenħtieġ li tirreġistra għal din l-attività. Filgħaxija, se jintwera għall-ewwel darba film dokumentarju dwar Rena Balzan, li jiċċelebra lil Rena Balzan, bħala r-Rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura. Wara l-film se jkun hemm diskussjoni mmoderata minn Kit Azzopardi, bil-parteċipazzjoni tar-rebbieħa. Nhar il-Ħadd, is-27 ta’ Novembru, l-awturi u t-tradutturi ta’ Mikelin u Noè, lo scoiattolo giocherellone (Verbavolant), ippubblikati bil-Malti minn Merlin Publishers, se jkunu preżenti għat-tnedija ta’ dawn il-kotba, organizzata mill-Istituto Italiano di Cultura, La Valletta. L-esibizzjoni From Illustration to Book Fil-qalba ta’ dan il-Festival, flimkien mal-istands tal-esebituri, grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-KNK u l-Kunsill Malti għall-Arti se jkun hemm l-esibizzjoni From Illustration to Book. L-esibizzjoni se sservi bħala vetrina ta’ illustrazzjonijiet u disinji kontemporanji ta’ kotba; xogħlijiet magħżula mill-Malta Illustration Annual 2022 ippubblikat mill-Malta Community of Illustrators; disinji bikrin tal-personalitajiet Maltin Trevor Żahra, Mario Azzopardi u Joe Sacco; illustrazzjonijiet ta’ karattri li mmarkaw it-tfulija ta’ ħafna mit-tfal Maltin, bħal Kunċett u Marinton, Fra Mudest, Il-Qtates ta’ max-xatt (Merlin Publishers), u Ir-Ronnie; u selezzjoni speċjali ta’ kotba ddisinjati u b’illustrazzjonijiet minn artisti Maltin ewlenin tas-seklu għoxrin. Kif tasal hemm Il-KNK qed jassigura, li minbarra parkeġġ faċli qrib l-MFCC, kulħadd jista’ jasal il-Festival permezz tat-trasport pubbliku, grazzi għal aktar rotot organizzati mit-Trasport Pubbliku għal Malta. Se jkun hemm disponibbli servizz ta’ shuttle mill-Belt Valletta, waqt li fil-jiem tal-Festival se tiżdied il-frekwenza tar-rotot li jgħaddu minn Ta’ Qali. Il-ħiijiet tal-ftuħ Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Festival huma kif ġejjin: minn nhar l-Erbgħa sal-Ħamis mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9pm; nhar il-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sal-10pm; nhar is-Sibt mid-9:30am sal-10pm, u nhar il-Ħadd mid-9:30am sat-8pm. Il-programm sħiħ tal-avveniment għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb jinsab online hawnhekk. Għall-aħħar aġġornamenti, jekk jogħġbok segwi s-sit tal-KNK, il-paġna ta’ Facebook tal-KNK, kif ukoll il-paġna tal-avveniment The Malta Book Festival 2022. SHARE POST Related Articles Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi branding ġdid! News 5th March, 2025 Read More Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More Ir-Rapport Annwali tal-KNK għall-2024 Other 4th February, 2025 Read More Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More Ħareġ l-40 Pagament Tal-Jeddijiet Tas-Self Pubbliku Inizjattivi 10th January, 2025 Read More view all similar news
Sejħa għal Delegati: Malta magħżula bħala l-Pajjiż Fokus għall-Mediterranea Publishing Fellowship Other 28th February, 2025 Read More
Il-KNK u l-Wikimedia Malta jħabbru l-Wikimedians in Residence għall-Proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb Other 20th February, 2025 Read More
Jiftħu l-Applikazzjonijiet għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2025 Other 17th February, 2025 Read More
Il-KNK isaħħaħ il-preżenza tal-imsieħba fil-London Book Fair 2025 Esportazzjoni letterarja 11th February, 2025 Read More
Festivals, Fondi u Inizjattivi għall-2025: Dati Ewlenin Esportazzjoni letterarja 29th January, 2025 Read More
Ejja sal-London Book Fair 2025 mal-KNK: Biljetti għall-Imsieħba tal-KNK minn Malta Esportazzjoni letterarja 13th January, 2025 Read More
Kirsten Spiteri jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ 2024 Konkorsi għaż-żgħażagħ 13th January, 2025 Read More