F’din l-istorja niltaqgħu ma’ Wallace, ġuvnott li twieled fuq il-Pjaneta Ħadra. Din il-pjaneta bdiet tospita lill-ġenituri ta’ Wallace u oħrajn minn meta ħarbu mill-Pjaneta Roża, li kien jisimha Dinja qabel ma l-ilma ġie kkontaminat u l-pjaneta saret roża. Darba Wallace laqtitu sajjetta u sab ruħu fid-Dinja, li kienet saret tant inabitabbli li kellu juża xi poteri sopranaturali tiegħu sabiex jesperjenza r-realtà kerha. Hemmhekk iltaqa’ ma’ Daniel u Wendy, tfal li kellhom jilbsu ilbies protettiv u maskra minħabba s-sħana insapportabbli, l-arja mniġġsa u l-ilma mniġġes. Minn hemm huma t-tlieta bdew il-missjoni tagħhom li jgħallmu fuq is-sostenibbiltà sabiex id-Dinja tibda tfiq.