Kummenti huma off għal din il-kariga

Konferenza: Il-Verità fil-Letteratura Fittizja u Dik mhux Fittizja

 

 

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017 se jiftaħ għall-pubbliku nhar l-Erbgħa 8 ta’ Novembru b’konferenza dwar “Il-Verità fil-Letteratura Fittizja u Mhux Fittizja”. Il-konferenza se jkollha l-għamla ta’ taħdita bejn għadd ta’ mistednin tal-Festival u se tkun immexxija minn eks-ġurnalista u reporter tal-BBC Rosie Goldsmith. L-awtur lokali Alex Vella Gera, il-poeta u l-akkademika mill-Kuwajt Shahd Alshammari, l-awtur Franċiż Gilbert Sinoué u l-kittieba u poeta Ingliża Ros Barber se jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar id-definizzjoni tal-verità f’ġeneri letterarji differenti.

Il-konferenza se tħares lejn id-diffikultà tad-definizzjoni tal-verità fil-letteratura u kif wieħed jista’ jiżen il-verità ta’ rakkont, kemm jekk dak ir-rakkont jidher f’kuntest ta’ letteratura fittizja kif ukoll ta’ dik mhux fittizja. Il-kwistjoni hija rilevanti għal dinja maħkuma mill-midja, fejn il-linja bejn ir-rappurtar fattwali u l-invenzjoni letterarja ġiet imċajpra bit-tfaċċar ta’ ġeneri ġodda bħall-ġurnaliżmu letterarju, conspiracy theory thrillers, kotba ta’ xjenza popolari u djarji ta’ xhieda okulari, biex insemmu ftit minnhom.

Alex Vella Gera huwa awtur lokali li fl-2009 sab ruħu f’nofs kontroversja taħraq dwar il-pubblikazzjoni tan-novella tiegħu Li Tkisser Sewwi f’ġurnal tal-istudenti. L-awtur stqarr li l-istorja, li tirrakkonta l-avventuri sesswali ta’ individwu irresponsabbli u sessist għall-aħħar u hija mfassla bħala rakkont fl-ewwel persuna, kienet biss mod sabiex jaqbad aspett ta’ realtà imbegħda kemm jista’ jkun mill-ħajja tiegħu.

Shahd Alshammari hija poeta u kittieba b’interess kbir fil-kundizzjoni tan-nisa u individwi b’diżabilità fis-soċjetajiet Għarab moderni. L-aħħar pubblikazzjoni tagħha, Notes on the Flesh, tesplora, permezz ta’ rakkonti fittizji, ir-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni b’diżabilità, nies morda u n-nisa fis-soċjetà.

Awtur magħruf ta’ għadd kbir ta’ rumanzi storiċi, Gilbert Sinoué jinseġ fatti storiċi ma’ elementi fittizji f’produzzjoni letterarja li tħaddan varjetà kbira ta’ ġeneri – minn bijografiji għal sagas u thrillers.

Ros Barber hija l-kittieba ta’ The Marlowe Papers, rumanz forma ta’ poeżija li jirrakkonta l-istorja ta’ kif Christopher Marlowe sar William Shakespeare wara l-famuża ġlieda ġo taverna fejn il-figura storika hija rrappurtata li ġiet maqtula. Fir-rumanz, Marlowe ma jinqatilx. Minflok jiġi meħud f’post imbiegħed minn fejn eventwalment jirritorna b’identità ġdida.

Membri tal-pubbliku huma mistiedna jingħaqdu ma’ dawn il-kittieba u ma’ Goldsmith, biex jipprovaw jiddefinixxu l-kunċett elużiv tal-verità fil-letteratura fit-8 ta’ Novembru fit-8 ta’ filgħaxija fis-Sala Sir Temi Zammit, Dar il-Mediterran. Fit-tmiem tad-diskussjoni, il-pubbliku ser ikollu l-opportunità jsaqsi mistoqsijiet u jgħaddi kummenti fuq dak li jkun intqal waqt il-konferenza.

 

Alex Vella Gera

Rosie Goldsmith

Gilbert Sinoué

Shahd Alshammari

Ros Barber