F’dan l-episodju mis-sensiela Taħt il-Qoxra Rachelle Deguara tkellmet ma’ Joseph Paul Cassar.

Mal-mistieden tkellimna l-aktar dwar l-arti moderna f’Malta, f’relazzjoni maż-żewġ volumi ta’ kotba tiegħu Pioneers of Modern Art in Malta, li t-tieni volum tagħha huwa finalist tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2020. Staqsejnieh dwar id-differenza bejn artisti Maltin li studjaw fl-akkademji Rumani u dawk li studjaw fir-Renju Unit, l-iżvilupp tal-arti moderna Maltija bis-saħħa tas-safar, kollaborazzjonijiet bejn artisti u kittieba moderni fis-Sittinijiet, l-arti moderna u r-realiżmu fi żmien ta’ taqlib politiku, u gruppi ta’ artisti Maltin fit-Tieni Nofs tas-Seklu Għoxrin, fost affarijiet oħra.

Isma’ l-intervista sħiħa hawnhekk.

Joseph Caul Cassar huwa Professur tal-Arti fid-Dipartiment tal-Arti Grafika u l-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Maryland. Studjuż li jispeċjalizza fl-istorja moderna Maltija fil-kamp tal-Arti Viżiva. Kien kritiku tal-arti ta’ Daily News u Times of Malta, u serva fil-Bord Eżekuttiv ta’ Spazju Kreattiv. Prof. Cassar huwa l-awtur ta’ diversi kotba dwar l-Istorja tal-Arti Moderna Maltija. Irċieva l-midalja tad-deheb għall-kontribut fil-qasam tal-arti Maltija mis-Soċjetà tal-Arti, Manifattura u Kummerċ.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lill-PBS u lill-ħaddiema ta’ Radju Malta 1 għall-għajnuna bix-xandir tal-programm.


Share Article