Kummenti huma off għal din il-kariga

Programm tal-Avvenimenti għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2016

Hekk kif il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb qed joqrob viċin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iniedi l-programm għall-Festival kemm biex jgħarraf lill-pubbliku bl-avvenimenti li tħejjew għalih kif ukoll sabiex ikun ta’ gwida għal kull min iżur il-festival. Niżżel kopja minn din il-ħolqa: mbf-2016-programme-mt

Wieħed mill-avvenimenti ewlenin tal-festival f’din is-sena huwa ddedikat lill-poetessa Maria Grech Ganado, ir-rebbieħa tal-premju Lifetime Achievement Award tas-sena li għaddiet. Ser ikun hemm qari ta’ siltiet mill-poeżiji tagħha, taħdita mal-poetessa immexxijja minn Prof Charles Calleja, u l-pubbliku ser ikollu l-opportunità jiltaqa’ mal-poetessa sabiex isaqsi mistoqsijiet, jesprimi ammirazzjoni, jitlobha tiffirma kotba tagħha, eċċ. Dan ser iseħħ il-Ġimgħa filgħaxija, f’serata mimlija poeżija. Horizons ser jippreżentaw Ċelebrazzjoni ta’ Poeżija, avveniment ta’qari ddedikat lil uħud mill-poeti l-iktar maħbuba fost il-Maltin. F’avveniment ieħor, organizzat mill-KNK flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Poeti Maltin, ser jinqraw siltiet ta’ poeżiji u jitħabbru r-rebbieħa tal-konkors għall-poeżija Mons. Amante Bountempo.

Letteratura ta’ lingwi barranin ser tkun rappreżentata tajjeb bl-istand tal-Istituto Italiano di Cultura fejn ser ikun hemm għadd kbir ta’ preżentazzjonijiet ta’ kotba u taħditiet mal-kittieba organizzati minn għadd ta’ pubblikaturi Sqallin; bl-istand tal-Ambaxxata ta’ Franza kif ukoll bil-parteċipazzjoni tad-Dipartiment tal-Ispanjol tal-Università ta’ Malta u l-Ambaxxata ta’ Spanja b’konferenza fuq Cervantes, maħsuba sabiex tfakkar l-400 sena mil-mewt tal-kittieb kbir,  u li fiha ser jiġi ppreżentat DUN KIXOTT MILL-MANĊA (SKS), it-traduzzjoni Maltija ta’ Don Quixote f’għamla poetika minn Pawlu Montebello. Ser ikun hemm ukoll it-tnedija ta’ Malta Ħanina (Faraxa Publishing), it-traduzzjoni Maltija tax-xogħol tal-kittieb Franċiż Daniel Rondeau, li għaliha ser ikunu preżenti kemm il-kittieb kif ukoll it-traduttur Toni Aquilina.

Fost l-avvenimenti speċjali għal din is-sena insibu ukoll żewġ konferenzi importanti. L-ewwel waħda ser tiftaħ il-festival nhar l-Erbgħa 9 ta’Novembru bl-isem Letteratura u Totalitarjanizmu. Il-ġurnalist Jurgen Balzan ser imexxi taħdita  fuq lingwa, letteratura u totalitarjanizmu li fiha ser jieħdu sehem għadd ta’ mistiedna speċjali – Alek Popov, il-kittieb ta’ Mission: London u The Black Box, mill-Bulgarija, l-akkademiku, poeta u kittieb Britanniku Prof Patrick McGuinness, il-kittieba u attivista Eġizzjana Basma Abdel Aziz u l-poeta u kittieb Malti Immanuel Mifsud.

L-oħra hija konferenza ta’ jum fuq il-kotba u l-litteriżmu bit-titlu Books and Literacy: yesterday, today and tomorrow, imħejja mill-NBC flimkien mad-Department of Library and Archive Sciences tal-Università ta’ Malta u l-Malta Libraries. Id-diskussjoni ser tesplora ir-relazzjoni tradizzjonali bejn il-kotba u l-litteriżmu fil-kuntest tal-evoluzzjoni tal-pubblikazzjoni tal-ktieb.

Din is-sena il-festival ser joffri ukoll lill-pubbliku wirja mtella’ minn Kotba Calleja fuq it-tema tal-arti u l-artiġġjanat tal-ktieb. Apparti l-wirja nnifisha, li fiha ser jintwera biss xogħol ta’ artiġġjanat lokali, ser ikun hemm taħditiet, dimostrazzjonijiet u anke workshop.

Kull kittieb barrani li ser jieħu sehem fil-konferenza fuq letteratura u totalitarjaniżmu ser jidher ukoll f’attività separata sabiex jippreżenta x-xogħol tiegħu, jitkellem fuq ħajtu u fuq xogħolu u jwieġeb għal mistoqsijiet mill-pubbliku.

Kważi l-istands kollha tal-pubblikaturi u d-distributuri tal-kotba, b’mod speċjali dawk tal-Merlin Publishers, Faraxa Publishing u BDL Books, ser iħejju ħafna attivitajiet kemm għall-kbar kif ukoll għaż-żgħar u b’hekk jassiguraw li l-programm tal-Festival ikun varjat u edukattiv ħafna b’mod li jappella li kull min iħobb il-kotba.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm kulturali tul il-ħamest ijiem tal-Festival żur il-paġna tal-Festival fuq Facebook: https://www.facebook.com/events/1951963831697045/

 

mbf-2016-programme-mt-1 mbf-2016-programme-mt-2 mbf-2016-programme-mt-3 mbf-2016-programme-mt-4 mbf-2016-programme-mt-5 mbf-2016-programme-mt-6 mbf-2016-programme-mt-7 mbf-2016-programme-mt-8 mbf-2016-programme-mt-9 mbf-2016-programme-mt-10 mbf-2016-programme-mt-11 mbf-2016-programme-mt-12 mbf-2016-programme-mt-13 mbf-2016-programme-mt-14 mbf-2016-programme-mt-15