Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019

Event details

  • Wednesday | November 6, 2019 to Sunday | November 10, 2019
  • 9:00 am
  • Mediterranean Conference Centre, Valletta

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa avveniment kultural annwali li jsir il-Belt Valletta. Jiċċelebra s-seħer tal-kotba bis-saħħa ta’ programm estensiv aċċessibbli għall-familja kollha – fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, qari ta’ poeżija u letteratura oħra, laqgħat m’awturi differenti, drammatizzazzjonijiet ta’ testi letterarji, konferenzi u seminars. Il-Festival joffri wkoll opportunità eċċellenti biex il-professjonisti mill-industrija tal-kotba jiltaqgħu u jistabbilixxu jew isaħħu r-relazzjonijiet.

Bħalissa qed jattendu l-Festival madwar 40,000 persuna, u qed jipparteċipaw aktar minn 40 eżebitur. Għal ħamest ijiem pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba u awturi jiltaqgħu taħt saqaf wieħed biex jieħdu li jistgħu minn din l-opportunità unika biex jippromwovu u jbigħu l-kotba tagħhom.

Il-lat internazzjonali tal-Festival sar element ta’ min jinnota, bis-saħħa ta’ mistiedna barranin. Dis-sena wieħed mill-avvenimenti ewlenin se jkun il-konferenza li tiftaħ il-Festival, u s-suġġett se jkun il-letteratura fantaxjentifika. Se jipparteċipaw il-kittieba bbażata fi Brussell, Loranne Vella, li rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018 b’Rokit (Merlin Publishers). Il-mistiedna internazzjonali huma Jon Courtenay Grimwood, li twieled Malta, Kali Wallace u Dave Rudden.

Id-duo Danusan se jerġgħu jżommu l-appuntament tagħhom b’xows ġodda bbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ dis-sena stess.

It-tfal tal-iskejjel li jattendu l-Festival fost il-ġimgħa se jsibu ppreparat programm ta’ attivitajiet apposta għalihom skont filosofija ta’ tagħlim skont l-età. Minbarra dawn l-attivitajiet, tim ta’ atturi professjonali, immexxija minn Antonella Axisa, se jkun qed jagħmel xows ibbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka tas-sena l-oħra.

L-għan tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa li jippromwovi l-qari u l-litteriżmu, filwaqt li jqanqal lill-pubbliku biex jiddiskuti mal-mistiedna lokali u internazzjonali u esperti fil-letteratura. Id-dħul huwa b’xejn u jkun miftuħ filgħodu u filgħaxija fost il-ġimgħa u l-ġurnata kollha fi tmiem il-ġimgħa.

Il-KNK iħabbar il-mistieden internazzjonali rinomat fil-ġimgħat li ġejjin.