Kummenti huma off għal din il-kariga

Espressjoni ta’ Interess – Premju Letteratura għaż-Żgħażagħ

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jistieden lill-pubblikaturi biex jissottomettu espressjoni ta’ interess fir-rigward tal-manuskritti rebbieħa tal-Konkors ta’ Kitba Letteratura għaż-Żgħażgħ 2013-2014 organizzat mill-istess Kunsill bil-kollabroazzjoni tal-Aġenzija Żgħazagħ.

Ir-rumanzi li rebħu dan il-konkors huma tnejn: X’aħna Smart ta’ Stephen Lughermo u Gramma ta’ Leanne Ellul.

1. Il-manuskritti jridu jkunu ppubblikati fi żmien tliet xhur mill-għażla tal-pubblikatur, inkella skont ftehim milħuq bejn l-organizzaturi u l-pubblikatur konċernat.

2. Id-deċiżjoni dwar liema mill-pubblikaturi jintgħażlu biex jippubblikaw il-kotba tkun ibbażata fuq:

(a) X’pakkett ikun offrut lill-kittieb bħala rikompens għax-xogħol tiegħu;
(b) x’pubbliċiita’ jkun hemm ippjanata għat-tnedija tal-ktieb;
(c) xi prezz se jkun mibjugħ bih il-ktieb ladarba jkun ippubblikat;
(d) x’distribuzzjoni jkollu l-ktieb ladarba jkun ippubblikat.

3. Il-pubblikatur ta’ kull wieħed mill-kotba rebbieħa jingħata €2,000 bħala għajnuna għall-produzzjoni u l-istampar. Dan jiġi mbagħad rifless fil-prezz tal-bejgħ, li jkun għalhekk issussidjat.

4. Ladarba jintgħażel il-pubblikatur jew pubblikaturi, jiġi ffirmat ftehim li għandu jkun osservat bl-aktar mod rigoruż. Jekk dan ma jsirx, l-organizzaturi jżommu l-jedd li l-ftehim jaqa’.

5. Id-drittijiet kollha tat-test innifsu jibqgħu tal-kittieb. Id-dritt tal-edizzjoni jkun tal-pubblikatur, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

6. Il-pubblikatur ikun responsabbli biex jagħti x-xeħta lill-ktieb. Iżda l-preżentazzjoni finali hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-organizzaturi. Id-disinn tal-qoxra tal-ktieb trid issir bi qbil bejn il-kittieb u d-disinjatur tal-pubblikatur.

7. L-awtur rebbieħ irid jaċċetta li jaħdem ma’ dak il-pubblikatur li jiddeterminaw l-organizzaturi tal-konkors.

8. Fil-ftehim irid ikun espress ċar il-prezz tal-pubblikazzjoni. Billi d-dar tal-kotba tkun qed tingħata somma ta’ flus għall-pubblikazzjoni, ikun mistenni li dik l-għajnuna tirrifletti ruħha fil-prezz tal-ktieb.

9. Il-pubblikatur jidħol ukoll għall-ispejjeż ta’ qarrej tal-provi li jara x-xogħol. Il-qarrej tal-provi jrid ikollu l-għarfien uffiċjali tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

10. L-organizzaturi jżommu l-jedd li jassiguraw li l-pubblikazzjoni tkun ta’ kwalita’.

11. Il-qliegħ mill-bejgħ tal-pubblikazzjoni jmur għand il-pubblikatur.

12. Fuq il-qoxra tal-ktieb għandu jidher b’mod prominenti li l-pubblikazzjoni rebħet il-ħames edizzjoni tal-Konkors ta’ Kitba Letteratura għaż-Żgħażagħ 2013-2014 u qed tkun ippubblikata wara l-għajnuna mogħtija mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

13. Il-pubblikatur konċernat jagħti 40 kopja tal-ktieb lill-Aġenzija Żgħażagħ u 20 kopja lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

14. Il-manuskritti għandhom jiġu editjati bir-reqqa, imma dan it-tibdil ma jridx ikun b’tali mod li l-ktieb ikollu l-ħtieġa li jinkiteb mill-ġdid u jkun jikkostitwixxi biss tibdil editorjali.

15. Il-pubblikaturi jridu wkoll jissottomettu pjan konkret ta’ kif se jiddistribwixxu u jagħmlu promozzjoni lill-ktieb.

Id-deċizjoni finali ta’ min se jieħu l-pubblikazzjoni hija tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-espressjoni ta’ interess għandha tintbagħat lis-Segretarju, Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Pubblika Ċentrali, Triq Joseph J. Mangion, Floriana FRN 1800 sa mhux aktar tard minn nofsinhar tal-31 ta’ Diċembru, 2014.