Kummenti huma off għal din il-kariga

Fond għall-Esportazzjoni Kulturali – Għotjiet għat-Traduzzjoni

Individwi ibbażati f’Malta, pubblikaturi rreġistrati f’Malta jew internazzjonali, u organizzazzjonijiet rikonoxxuti legalment huma kollha eliġibbli bħala applikanti għall-Għotja tat-Traduzzjoni għall-Esportazzjoni Kulturali 2018 tal-Malta Arts Council. Il-Fond għandu l-għan li jżid il-viżibilità tal-letteratura lokali billi jiffinanzja proġetti ta’ traduzzjoni mill-Malti għal lingwa oħra. Għall-finijiet tal-għotja, it-terminu ‘letteratura’ jinkludi r-rumanzi u letteratura fittizja in ġenerali, poeżija, drama, rumanzi grafiċi u anke materjal ta’referenza li jiffoka fuq il-kultura u l-arti. Is-sottotitolar ta’ skripts tal-films jew dokumentarji jaqgħu wkoll taħt l-iskema sakemm il- materjal tal-iffilmjar kien prodott minn kumpanija awdjoviżiva lokali u diġà ġie mxandar.

Kull proġett jista’ jiġi allokat massimu ta’ 5000 euro, li jistgħu jkopri 100% tal-ispejjeż. Għandu jkun ċar, madankollu, li dawn l-ispejjeż għandhom ikunu spejjeż ta’ traduzzjoni. Fi kliem ieħor, il-fond mhux se jkopri spejjeż ta’ stampar, drittijiet, jew il-promozzjoni ta’ materjal ippubblikat. L-għotja tkopri biss l-ispejjeż tat-traduzzjoni, l-editjar u l-qari tal-provi.

Huwa importanti wkoll li wieħed iżomm f’moħħu li l-fond huwa kompetittiv u kull applikazzjoni se tiġi evalwata minn bord indipendenti ta’ evalwazzjoni skond kriterji speċifiċi. Dawn il-kriterji jistgħu jinġabru fi tliet punti ewlenin:

  • Il-kwalità tal-proġett
  • Involviment internazzjonali
  • Ġestjoni professjonali u finanzjarja tal-proġett

Fir-rigward tal-kwalità tal-proġett, l-enfasi ewlenija hija fuq ix-xogħol ta’ traduzzjoni nnifsu. Jiġifieri, il-kwalità tat-traduzzjoni u l-valur letterarju u kulturali tat-test magħżul għat-traduzzjoni. Il-kriterju tal-involviment internazzjonali jirreferi, prinċipalment, għall-pjan ta’ distribuzzjoni – kif u fejn se jinbiegħu jew isiru viżibbli x-xogħlijiet tradotti għal qarrejja barranin? Il-kriterju jevalwa wkoll kemm il-proġett joħloq ambitu għal kooperazzjoni internazzjonali. Il-ġestjoni tal-proġett tirreferi għall-baġit u l-iskadenzi proposti mill-applikant. Huwa importanti ħafna li l-kwotazzjonijiet li jidhru fit-tqassim tal-baġit tal-applikazzjoni huma realistiċi u sostanzjati minn referenzi reali minn professjonisti.

L-applikazzjoni tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Kunsill tal-Arti hawnhekk. Hemm żewġ skadenzi – waħda fid-19 ta’ April 2018 u l-oħra fit-18 ta’ Ottubru 2018. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ lill-applikanti eliġibbli kollha biex japplikaw u jagħmlu użu minn din l-opportunità biex iniedu kwalunkwe proġett ta’ traduzzjoni li setgħu kienu qed jippjanaw.