Kummenti huma off għal din il-kariga

Il-ftuħ tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus

Il-Ktieb Festival fuq il-Kampus jibda nhar l-Erbgħa li ġej fid-9:00 am fil-quadrangle tal-Università. Ser ikun għaddej għal tlett ijiem b’attività wara l-oħra mid-9 am sa l-4 pm l-Erbgħa u l-Ħamis. Nhar il-Ġimgħa, l-aħħar ġurnata tal-Festival, l-attivitajiet se jkomplu sa tard, u jispiċċaw b’kunċert ma’ garage bands lokali – Cryptic Street u Fuzzhoneys.

Il-programm, li jista’ jitniżżel minn din il-ħolqa, jinkludi attivitajiet bħal qari, tnidijiet ta’ kotba, taħdidiet ma’ esperti dwar varjetà ta’ temi akkademiċi, preżentazzjonijiet u intervisti ma’ awturi u artisti lokali. Jasmin B. Frelih, awtur Sloven u rebbieħ tal-Premju Letterarju tal-Unjoni Ewropeja, huwa l-mistieden speċjali ta’ din l-edizzjoni tal-Festival. Frelih ser imexxi workshop dwar kitba kreattiva nhar l-Erbgħa u se jieħu sehem f’attivitajiet differenti matul it-tlett ijiem tal-Festival.

Il-Festival huwa mtella’ mill-Għaqda tal-Malti-Università u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bl-intenzjoni li jipprovdi pjattaforma għal pubblikaturi u organizzazzjonijiet tal-istudenti biex jippromwovu l-prodotti tagħhom, kif ukoll biex jikkontribwixxu għall-programm b’attivitajiet kulturali. Il-pubblikaturi li qed jipparteċipaw fil-Festival din is-sena huma: Faraxa, Horizons, Midsea Books, EDE Books, Pjattaforma, SKS u BDL. Fost l-organizzazzjonijiet tal-istudenti li taw il-kontribut tagħhom din is-sena hemm HoASA (The History of Art and Fine Arts Students’ Association) u DESA, (The Department of English Students’ Association). Parteċipanti oħrajn jinkludu l-Librerija tal-Università, id-Dipartiment tal-Malti fi ħdan G.F. Abela Junior College, Inizjamed u d-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta.

Għalkemm il-Festival huwa mtella’ bil-għan li jilħaq udjenza matura bħal studenti universitarji, il-membri kollha tal-pubbliku huma mistiedna jattendu u jieħdu sehem fl-attivitajiet.