Kummenti huma off għal din il-kariga

Kwarta Ktieb – podcast ġdid mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir jippreżenta Kwarta Ktieb, podcast letterarju ġdid b’qari minn uħud mill-aktar kotba maħbubin f’Malta.

Mil-lum tista’ tisma’ qari ta’ 15-il minuta ta’ siltiet minn rumanzi, novelli u poeżiji ppubblikati lokalment, moqrija minn firxa ta’ awturi u personalitajiet attivi fis-settur tal-arti.

F’din l-ewwel serje ħejjejna antoloġija ta’ qari minn xogħlijiet letterarji varji li jkopru kważi seklu ta’ letteratura Maltija, fosthom kitbiet klassiċi bħas-satira soċjopolitika Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo, poeżiji ta’ Doreen Micallef, u kotba li kisru r-rekords tal-bejgħ f’dawn l-aħħar għaxar snin, fosthom What Happens in Brussels Stays in Brussels ta’ Ġużè Stagno, u l-ktieb rebbieħ ta’ diversi premji letterarji ta’ Immanuel Mifsud, Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben).

Kull episodju huwa maħsub biex jipprovdi lis-semmiegħa bi skoperti ġodda jew li jittrasporta lill-qarrejja lura lejn id-dinjiet favoriti tagħhom permezz tal-ilħna tal-qarrejja mistiedna fosthom dawk ta’ Antonella Axisa, Loranne Vella, Kenneth Scicluna u Mikhail Basmadjian.

Tistgħu ssibu l-episodji kollha fuq is-sit ta’ MaltaToday u l-pjattaforma Anchor.

Kwarta Ktieb hija l-aħħar inizjattiva mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb immirata biex tkompli tippromwovi l-letteratura Maltija ma’ udjenzi lokali. Dawn il-poddati qed jittellgħu b’kollaborazzjoni ma’ MaltaToday.

Episodju 1
Mikhail Basmadjian jaqra minn Fl-isem tal-Missier (u tal-Iben) (KKM, 2010) ta’ Immanuel Mifsud

Episodju 2
Sharon Bezzina taqra ‘Jelly Babies’ minn Il-Linja l-Ħadra (Merlin Publishers, 2007) ta’ Clare Azzopardi

Episodju 3
Kenneth Scicluna jaqra minn Erbgħin Jum ta’ Antoine Cassar (EDE Books, 2017)

Episodju 4
Sab Mulligan taqra ‘I went to see her’ minn Having Said Goodnight ta’ Pierre J. Mejlak (Merlin Publishers, 2015)

Episodju 5
Mark Vella jaqra minn Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo (SKS, 2013)

Episodju 6
Nadia Mifsud Mutschler taqra minn De Profundis ta’ Doreen Micallef (Klabb Kotba Maltin, 1979)

Episodju 7
Antonella Axisa u Mikhail Basmadjian jaqraw minn Fil-Parlament ma jikbrux Fjuri ta’ Oliver Friggieri (Bugelli Publications, 1985)

Episodju 8
Rachelle Deguara taqra minn Amina ta’ Antoinette Borg (Merlin Publishers, 2018)

Episodju 9
Steve Hili jaqra minn What Happens in Brussels Stays in Brussels ta’ Ġużè Stagno (Merlin Publishers, 2013)

Episodju  10
Loranne Vella taqra minn Il-Manifest tal-Killer ta’ Karl Schembri (Choppy Books, 2006)