Kummenti huma off għal din il-kariga

Serata f’ġieħ Mario Azzopardi fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017

Fil-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena, Mario Azzopardi, id-drammaturu, poeta, edukatur u ġurnalist kulturali magħruf, se jidher f’attività li ġiet imħejja għalih bħala r-rebbieħ tal-Premju għal Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kitba tal-2016. L-attività ġiet imtella’ minn Horizons f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u ser iseħħ f’Sala Sir Temi Zammit (MCC, il-Belt Valletta) nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru fit-8 ta’ filgħaxija.

Antonella Axisa ser tippreżenta l-attivitajiet tas-serata li tiftaħ b’filmat ta’ intervista ta’ 10 minuti ma’ Azzopardi, miġbud fil-monasteru sabiħ tal-Ordni tal-Karmelitani fl-Imdina. Il-monasteru kien il-lok ta’ waħda mill-aħħar xogħlijiet ta’ Azzopardi – Santa Maria de Pazzi, passion play moderna spirata mill-figura storika tas-soru u mistika Karmelitana.

L- attività se ssegwi b’diskussjoni bejn Azzopardi u panel ta’ kelliema, fosthom awturi, atturi u attivisti fix-xena kulturali lokali li ħadmu mill-qrib ma’ Azzopardi f’xi punt tul il-karriera tiegħu. Fost dawn, isibu d-drammaturu u kittieb Dr Alfred Sant. Id-diskussjoni se tkun imżewwqa b’interventi ta’ qari ta’ siltiet mix-xogħlijiet ta’ Azzopardi.

Azzopardi ingħata l-Premju għal Kontribut Siewi fl-2016 mhux biss għall-produzzjoni letterarja tiegħu fil-poeżija, kritika letterarja u drama iżda wkoll għax-xogħol tiegħu fil-qasam tal-ġurnaliżmu kulturali. Bħala wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, Azzopardi ħadem bla heda biex jippromwovi l-ħidma ta’ awturi oħra kontemporanji u biex jinkoraġġixxi lill-awturi żgħażagħ jiksru t-tradizzjoni u jfittxu mergħat letterarji ġodda. Imwieled ġo familja ta’ ħaddiema mill-Ħamrun, Azzopardi baqa’ leali lejn l-għeruq tiegħu, u żamm sod mal-ideat ta’ xellug kemm fil-kontribuzzjonijiet tiegħu fil-gazzetti, kif ukoll fil-viżjoni tiegħu li jwassal il-letteratura lill-poplu.

L-avveniment se jagħlaq b’reċitazzjoni qasira meħuda minn dramm ta’ Azzopardi. Il-membri kollha tal-pubbliku huma mħeġġa jattendu u jiltaqgħu ma’ din il-personalità unika nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru. Din hija waħda mill-attivitajiet ewlenin tal-Festival u m’għandix tintilef minn dawk li għandhom il-letteratura Maltija għal qalbhom.