Kummenti huma off għal din il-kariga

Titħassar iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb b’dispjaċir iħabbar li ċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019, li kellha ssir fid-9 ta’ Diċembru, ma tistax isseħħ fid-dell tqil ta’ żviluppi riċenti li jimplikaw lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li dan ma jfissirx li l-KNK neċessarjament iħaddan il-fehmiet ta’ Daphne Caruana Galizia, nirrikonoxxu li bħala kittieba kienet monumentali biex skattat dan il-bdil politiku u sinjfikanti li għaddej minnu l-pajjiż.

Dawn iż-żminijiet huma turija tas-saħħa tal-kelma miktuba; iċ-ċelebrazzjoni tal-letteratura tingħata vuċi aktar b’saħħitha jekk nipparteċipaw fil-ġrajjiet storiċi li qed jinfirxu quddiemna nazzjonalment. Il-kriżi kurrenti nazzjonali ħaqqha l-attenzjoni sħiħa tagħna.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jawgura li r-riżultati tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ikunu jistgħu jitħabbru f’Jannar li ġej taħt ċirkustanzi li jimmeritaw iċ-ċelebrazzjoni tal-kittieba tagħna u x-xogħlijiet tagħhom.