Kummenti huma off għal din il-kariga

Trevor Żahra bin-Norveġiż: Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2017

Attività speċjali fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ser tkun imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb sabiex tiċċelebra l-ewwel traduzzjoni ta’ rumanz Malti għan-Norveġiż mingħajr l-użu ta’ bridge translation. Il-Ħajja Segrieta tan-Nanna Genoveffa ta’ Trevor Żahra, klassiku tal-letteratura moderna Maltija, issa jista’ jinqara mill-qarrejja Norveġiżi fil-lingwa tagħhom grazzi għax-xogħol siewi tal-kittieba u traduttriċi Malti-Norveġiża Kristina Quitano.

Fl-2015, traduzzjonijiet ta’ stejjer qosra minn Żahra u Pierre Mejlak dehru f’Julegaven (Ir-regal tal-Milied), antoloġija ta’ stejjer tal-Milied li biegħet kważi 3000 kopja fi ftit ġimgħat u introduċiet il-letteratura Maltija lill-qarrejja Norveġiżi. It-traduzzjonijiet saru wkoll minn Kristina Quintano direttament mill-Malti.

Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Genoveffa ġie ippubblikat fin-Norveġja f’Settembru 2017 minn waħda mill-akbar djar ta’ pubblikazzjoni fil-pajjiż li jispeċjalizzaw fil-letteratura tradotta. L-istess dar tal-pubblikazzjoni ppubblikat traduzzjonijiet Norveġiżi ta’    xogħlijiet ta’ Aleksijevitsj, Poe, Doyle u Dostojevskij. Nanna Genoveffas hemmelige liv, it-titlu tal-ktieb fin-Norveġiż, issa jinstab fil-librerija pubbliċi kollha tan-Norveġja, 600 b’kollox. Dan huwa pass ta’ promozzjoni siewi ħafna għall-letteratura Maltija fl-Iskandinavja.

Għall-attività, li ser iseħħ fis-Sala Sir Temi Zammit fid-9 ta’ Novembru, 6: 30 ta’ filgħaxija, kemm l-awtur kif ukoll it-traduttur se jkunu preżenti biex jidħlu f’diskussjoni dwar id-diversi problemi u diffikultajiet fit-traduzzjoni tal-letteratura Maltija għal lingwi barranin, b’mod partikolari fil-kompromess bejn il-fedeltà lejn il-manuskritt oriġinali u t-tendenzi u preferenzi lingwistiċi tal-qarrejja barranin. F’dan ir-rigward Nanna Ġenoveffa huwa każ interessanti – anke l-isem tal-protagonista, Ġenoveffa, għandu konnotazzjonijiet għall-kelliema tal-Malti li jistgħu ma jaħdmux ma’ kelliema ta’ lingwi barranin. U xi ngħidu dwar l-elementi satiriċi, tant ċentrali għar-rumanz? Kif jista’ wieħed joħloq mill-ġdid l-effett f’lingwa daqshekk differenti mill-Malti?

Biex tagħti lill-pubbliku idea reali taż-żewġ lingwi differenti se jkun hemm ukoll qari ta ‘silta mill-ktieb: l-attur Malti Christian Galea se jaqra s-silta bil-Malti waqt li l-attur Norveġiż Bendik Østbye Johannessen se jaqra l-istess partijiet fit-traduzzjoni Norveġiża. L-udjenza tkun tista’ tagħmel mistoqsijiet u tikkummenta dwar id-diskussjoni.