Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet u Jum il-Libreriji, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħaseb biex jagħti għotja mdaqqsa ta’ kotba lil Malta Libraries biex dawn jitqassmu f’libreriji varji madwar Malta u Għawdex. Il-kotba jinkludu wħud mill-aqwa titli li wieħed jista’ jsib fi djar ta’ pubblikazzjoni varji f’Malta, fosthom ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2018, u eventwalment ikunu disponibbli fuq l-ixkafef tal-libreriji f’Malta u f’Għawdex. Id-donazzjoni fiha għażla varjata ta’ rumanzi oriġinali u tradotti għall-kbar u ż-żgħażagħ, poeżija, kotba oriġinali u tradotti għat-tfal, xogħlijiet ta’ għamla akkademika, storjografika, bijografika, ta’ riċerka ġenerali u aktar.

Il-Maniġer Anzjan tal-KNK, Simona Cassano, ippreżentat id-donazzjoni lil Cheryl Falzon, il-Librara Nazzjonali u Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries.

Il-KNK għandu sehem ewlieni fl-industrija tal-kotba f’Malta, u parti minn dax-xogħol hu li jippromwovi kultura ta’ qari fost kulħadd, speċjalment iż-żgħażagħ u ż-żgħar. Il-Kunsill diġà għamel bosta għotjiet dis-sena, kemm lil Malta Libraries, kif ukoll lil organizzazzjonijiet oħra f’okkażjonijiet differenti. Il-pjan hu għal aktar donazzjonijiet fl-2019.


Share Article