Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nazzjonali tal-Poeżija Mons. Amante Buontempo ġiet iċċelebrata l-Ħamis li għadda, 9 ta’ Novembru f’Sala Vassalli, Dar il-Mediterran, bħala parti mill-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2018. L-avveniment ittella’ mill-Għaqda Poeti Maltin (GħPM) b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u kien ippresedut minn Mark Camilleri, president eżekuttiv tal-KNK, u Miriam Ellul, Viċi-President tal-GħPM.

Alfred De Gabriele, Aleksander Farrugia u Keith Azzopardi, parti mi-tim tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni, kienu preżenti għaċ-ċerimonja. De Gabriele qara sommarju tar-rapport tal-aġġudikaturi lill-udjenza, li fih semma punti ewlenin relatati mal-kwalità, l-għadd u l-livell tax-xogħlijiet sottomessi kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, Mark Camilleri indirizza l-fatt li l-KNK huwa kburi bis-sapport tiegħu għal dan l-avveniment, ladarba l-poeżija hi triq li kittieba u qarrejja jieħdu għax verament ikollhom passjoni lejn l-arti. Enfasizza li għalhekk hu importanti li avvenimenti bħal dawn jibqgħu jiġu inkuraġġiti. Camilleri semma wkoll avvenimenti oħra relatati ma’ ppremjar ta’ xogħlijiet letterarji, bħall-Premju Terramaxka (kotba għat-tfal), li dis-sena sar nhar it-Tlieta 6 ta’ Novembru waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet tiegħu se ssir fl-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru. Fl-aħħar tad-diskors tħabbru r-rebbieħa tal-edizzjoni tal-Konkors għall-2018.

Hemm tliet premjijiet. Dis-sena l-ewwel premju ntrebaħ minn Nadia Mifsud bil-poeżija Qtar li nqrat minn Rita Saliba, imbagħad it-tieni premju mar għand Richard Gatt b’Ċaħda, u fl-aħħarnett it-tielet premju rebħitu Elizabeth Grech bil-poeżija Imħabbiet imbexxqa. Kenneth Scicluna rebaħ l-ewwel premju fil-kategorija tal-poeżiji bl-Ingliż bil-poeżija Blunt Measure. Il-poeti kienu mistiedna jiġbru l-premju u jaqraw il-poeżija tagħhom lill-pubbliku.

Il-KNK u l-GħPM jixtiequ jirringrazzjaw lil dawk kollha li attendew l-avveniment u lill-poeti numerużi li ppreżentaw il-poeżiji għall-kompetizzjoni. Jixtiequ wkoll jirringrazzjaw lil membri tal-ġurija tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni: Alfred De Gabriele, Aleksander Farrugia u Keith Azzopardi.

 


Share Article