
Wara r-rispons sabiħ li irċivew il-poeti lokali fil-Malta Arts Festival, Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb reġa offra l-opportunita lil għadd ta’ poeti żgħażagħ u emerġenti biex jippreżentaw xogħlhom quddiem udjenza ġdida
Fit-22 ta’ Awissu, grazzi għall-Kunsill Lokali tal-Gudja, u l-kunsilliera Demelsa Grech b’mod partikolari, il-poeti u kittieba Beverly Agius, Nigel Baldacchino, Keith Borg, Ryan Falzon and Matthew Schembri qraw siltiet ġodda fl-atmosfera rilassanti tal-Ġnien Raymond Caruana, fil-Gudja.
L-avveniment kien miftuħ għal kulħadd, inkluż il-familji tal-lokal u wara l-qari ta’ poeżiji, min attenda gawda minn bibita żgħira provduta grazzi għall-Kunsill Lokali tal-Gudja.
Nisperaw li ma ndumux ma nsibu l-opportunita norganizzaw attivitajiet simili fil-futur qarib!
Xi uħud mis-siltiet li inqraw waqt l-avveniment:
KLIEMEK – Beverly Agius
Meta kliemek jilbes l-aħdar,
nilmaħ il-ward fil-ġnien
jitgeżwer f’ ħarifa
u jidbiel;
nilmaħ ’l għajnejja nixfin
iwaqqgħu l-weraq.
Nilmaħni riesqa niġbor
il-petali lewn kruhatek
u noħlom.
Noħlom li nsir
rebbiegħa.
Rebbiegħa
li toħrof kliemek,
li tlibbsek l-aħmar.
Rebbiegħa
li tilmaħ il-ward
jerġa’ jiftaħ.
***
??? – Keith Borg
Kultant,
bir-riħ jittewweb
mal-kanali ta’ wiċċi,
insaqsi lill-qamar
x’hemm fuq in-naħa
oskura tiegħu.
Fil-muta kiesħa
tqattar minn ħalqu stirat
intiegħem it-tweġiba
li beżaq f’ħoġri:
hemm esseri
jistaqsi l-istess
mistoqsija ambigwa.
*
It-tweġiba rċevejtha
fuq tapit aħmar
meta ramla ramla,
meta stilla stilla
jitwaħħdu
f’verità safja.
***
silta minn INSATAR – Ryan Falzon
“Le, ma rridx ninsatar skont kif jippontali dini. Irrid biss niġri bil- karozza bil-lejl, nitgħammed mid-dawl qawwi ta’ trailer mimli tiġieġ sejrin għal qatla, nsegwi karozza b’ xufier xurban ġo fiha, nidħol niekol m’ għand Ċiniż għajjien, grazzjuż daqs il-ħanut bla tabella tieghu, nieqaf nieħu grokk go bar mejjet b’ barranija zorra wara l- bank ssabbat id-drinks b’ vendikazzjoni u qatt ma’ jkollha żgħar, nara mara pulita b’ imsielet kbar taqlaghha go wiċċha mingħand ir- raġel ta’ magħha xħin nieqaf għal petrol, u npejjep sigarett waqt li narah jisbaħ.”
***
B’TIFKIRA – Matthew Schembri
F’Mater Dei
daħal Awissu
u nxteħet fuq sufan
bil-fannijiet iduru
u jħammġu jdejhom
bis-sapun
waqt li jgħarrxu facebook,
jaraw biss magni.
Awissu jċempel
filgħaxija;
mewta oħra ttir quddiemu
b’attakk polikromatiku.
U jħares lejha,
qatt ma jista’ jaqbad
il-lewn li jdawwal
x’reġa’
seta’
mar
ħażin.
***
fragments – Nigel Baldacchino
Even though we fight the same crusade,
We run on separate horses.
Even though we share the same face,
Our tears run separate courses.
*
The restless road moves straight beneath us,
While we lie still, here,
Travelling.
*
We curated our own intimacy,
Paraphrasing each-other’s instincts,
Using only words we taught one another,
The first few days we met.