Kummenti huma off għal din il-kariga

KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA Mons. Amante Buontempo – 2016

 

L-Għaqda Poeti Maltin flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħda tniedi l-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija ‘Mons. Amante Buontempo’ għal din is-sena 2016

 

Il-kompetituri huma mitluba jibagħtu sa tliet poeżiji, kull waħda mhux itwal minn tletin vers, bil-Malti.

Il-poeżiji għandhom ikunu ttajpjati fuq karta daqs A4, u għandhom jintbagħtu tliet kopji ta’ kull poeżija. Dawn il-poeżiji għandhom ikunu ffirmati biss bi psewdonomu (nom de plume).

F’envelopp separat u ssiġillat , il-konkorrent għandu jniżżel l-isem tal-poeżiji li jkun se jieħu sehem fil-Konkors bihom, il-psewdonomu, ismu u kunjomu, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz elettroniku.

Jiġu ppremjati l-poeżiji kklassifikati fl-ewwel tliet postijiet. L-ewwel poeżija tingħata €300, it-tieni poeżija tingħata €200, u t-tielet poeżija tingħata €100.  Il-premijiet jistgħu ma jingħatawx jekk ma jintlaħaqx il-livell mistenni f’kompetizzjoni bħal din.

Il-ġurija se tkun komposta minn tliet membri: Wieħed magħżul mill-Għaqda Poeti Maltin u tnejn mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Is-sottomissjonijiet għal dan il-konkors għandhom jaslu għand is-Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, is-Sur Jesmond Sharples, ‘Sinfonija’, 70, Triq il-Mediterran, Pembroke PBK 1255, sa mhux aktar tard mill-31 t’Awwissu 2016.

F’envelopp wieħed għandhom jintbagħtu l-poeżiji għall-kompetizzjoni u l-envelopp issiġillat bid-dettalji. TIKTBUX L-INDIRIZZ TA’ MIN QED JIBGĦAT ID-DETTALJI WARA L-ENVELOPP.

Kulmin jonqos f’xi waħda minn dawn ir-regolamenti jiġi skwalifikat immedjatament.

Wara li tagħlaq id-data għad-dħul tas-sottomissjonijiet, tkunu tistgħu tiċċekkjaw l-isem tal-poeżija tagħkom fil-websajt tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jew tal-Għaqda Poeti Maltin.

 

N.B.

Il-Premijiet huma ġentilment mogħtija mill-fondi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Ir-riżultat tal-Kompetizzjoni jitħabbar waqt attività speċifika matul il-jiem tal-Festival tal-Ktieb li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jorganizza f’Novembru (9-13, MCC Valletta).