L-artist viżiv Jesmond Vassallo se jkun qiegħed jitkellem dwar William Blake u l-arti tal-istampar, waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, l-Erbgħa 21 ta’ Marzu fis-siegħa ta’ wara nofsinhar, u l-Ġimgħa 23 ta’ Marzu fid-9.00am, fuq il-quadrangle tal-Università.

Vassallo huwa magħruf sew fix-xena tal-arti lokali għax-xogħol sperimentali tiegħu b’tekniki differenti ta’ stampar. Is-sena l-oħra huwa nieda Lithos, kollaborazzjoni bejn artisti u xjenzati bl-għan li jinħoloq riċerka ġdida fil-produzzjoni ta’ prints oriġinali fil-kuntest kontemporanju Malti. Din ir-riċerka tfittex li tidentifika s-substrati xierqa mill-ġeoloġija Maltija, biex tinvestiga l-kwalitajiet u l-propensità litografika tagħhom. F’Novembru huwa ħadem mal-artist Roderick Camilleri fuq wirja estensiva ta’ prints minn artisti internazzjonali fil-Malta Society of Arts.

Vassallo se jkun qiegħed jagħti preżentazzjoni dwar it-tekniki użati minn Blake fix-xogħol magħruf tiegħu Songs of Innocence and Experience. Permezz ta’ slideshow se jaqsam mall-udjenza l-istadji differenti fil-proċess tal-istampar. Sa mill-ewwel tfulija tiegħu, Blake kien motivat minn żewġ aspirazzjonijiet straordinarji u qawwija ħafna: il-poeżija u l-arti. Allura kif kien se jġib dawn iż-żewġ aspirazzjonijiet flimkien f’forma li tippermettilu li jippubblika x-xbihat tiegħu bl-illustrazzjoni tal-poeżiji tiegħu?

Studenti universitarji u membri interessati tal-pubbliku huma mistiedna jattendu u jitgħallmu dwar din il-personalità unika u l-kisbiet tiegħu, b’mod partikolari dwar kif uża l-għarfien tiegħu tal-inċiżjoni biex jgħaqqad flimkien l-aspirazzjonijiet li kellu bħala poeta u artist.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, u se jittella’ bejn il-21 u t-23 ta’ Marzu, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, minn tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar il-preżentazzjoni ta’ Vassallo u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn.


Share Article