Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’ħidma mal-Għaqda tal-Malti – Università, jinsab issa fis-sitt edizzjoni tiegħu u sa minn twelidu dejjem immira biex jipprovdi spazju għall-pubblikaturi u l-awturi Maltin biex jippromwovu xogħolhom ma’ udjenza matura, bħalma huma l-istudenti universitarji. Fadal biss fit ġimgħat biex jibda l-Festival fis-27 ta’ Marzu 2019 fil-Kwadranglu tal-Università. Studenti u l-pubbliku mistiedna jżuru l-Festival u l-attivitajiet li se jsiru, u li għandhom x’jaqsmu mal-kotba: diskussjonijiet, preżentazzjonijiet u tnedijiet ta’ kotba, intervisti, qari animat, mixjiet iggwidati u kwiżżijiet – hemm għadd ta’ attivitajiet mifruxa fuq tlitt ijiem. F’dan l-artiklu se ssibu wħud mill-attivitajiet relatati ma’ ktieb, u aktar dettalji fuq l-attivitajiet l-oħra se jittellgħu fil-paġna tal-Festival tal-Ktieb fup il-Kampus. Tista’ taċċessa l-programm kollu minn hawnhekk.

Peress li l-bejgħ tal-kotba tal-poeżija reġa’ qabad ir-ritmu barra minn Malta, dis-sena l-KNK ħaseb li jiddedika ħin u spazju għall-poeżija. Minkejja li l-poeżija għandha inqas rappreżentanza minn ġeneri oħra, l-istatistika turi li qed tikber fil-popolarità, speċjalment maż-żgħażagħ u dawk li twieldu mill-2000 ’l hawn (https://www.theguardian.com/books/2019/jan/21/poetry-sales-soar-as-political-millennials-search-for-clarity).

Il-poeta, kritiku letterarju u traduttur Brittaniku Rod Mengham huwa l-mistieden għal din l-edizzjoni. Dr Mengham jispeċjalizza fil-letteratura Ingliża tas-Seklu 19 u 20, speċjalment Dickens, it-tletinijiet u l-erbgħinijiet, u l-poeżija u l-kitba fittiva kontemporanja. Se jkun qed jipparteċipa fit-tlitt ijiem tal-Festival (27-29 Marzu) fi tliet attivitajiet ewlenin: sessjoni dwar it-traduzzjoni tal-poeżija mal-Professur fit-Teorija tat-Traduzzjoni Clare Vassallo u t-traduttur Kevin Saliba; waqt klabb tal-kotba ma’ studenti tal-Ingliż dwar l-aħħar ktieb tiegħu Grimspound and Inhabiting Art (Carcanet); u f’intervista mhux ta’ min jitlifha mal-poeta Malti Antoine Cassar.

Avveniment ieħor relatat mal-poeżija se jsir il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu dwar Erbgħin Jum (EDE Books). F’Novembru li għadda Erbgħin Jum, poeżija twila ktieb dwar trawmi fit-tfulija, id-dipressjoni u l-mixi bħala terapija personali, rebbaħ lil Antoine Cassar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-poeżija. Imbagħad l-Erbgħa 27 ta’ Marzu Antoine se jkun intervistat minn Prof Adrian Grima, poeta u akkademiku li jifforma parti mit-tim ta’ Inizjamed li jorganizza l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Min-naħa tiegħu, Antoine se jkun qed jintervista lil Zvezdan Reljić dwar l-aħħar pubblikazzjoni tiegħu Wiċċna (EDE Books), li fiha ritratti u esejs estetiċi, antropoloġiċi u letterarji dwar aspetti ta’ fiżjonomija, identità u l-fotografija, kollha miktuba b’lingwi differenti li influwenzaw lil Malta tul l-istorja tagħha.

Il-Ġimgħa r-Rev. Dr. Charlo Camilleri, persuna rispettata fil-qasam tal-ispiritwalità Kristjana, flimkien ma’ studenti tad-Dottorat fil-Filosofija, Kurt Borg u Robert Farrugia Flores, se jiddiskutu Tħabbat Xtaqtek: Djarju mill-Eremitaġġ (Horizons) ta’ Gioele Galea kemm mil-lat spiritwali kif ukoll minn dak sekulari. Dan il-ktieb huwa djarju poetiku dwar l-esperjenza awtentika tal-awtur fl-eremitaġġ ta’ San Ġirolamu fil-widien ta’ Perugia. Il-proża ssorr fiha aktar minn riflessjonijiet ta’ djarju. Hija narrattiva sottili u eleganti ta’ persuna fit-tiftixa għal Alla li qed tesperjenza d-disprament li jġib miegħu d-dubju.

Il-KNK laqqa’ wkoll esperti fil-pubblikazzjoni li se jkunu qed jiddiskutu l-importanza tal-qari tal-provi u l-editjar fit-tfassil ta’ ktieb. Elizabeth Cortis (qarrejja tal-provi tal-Ingliż, editur u sidt Proofreading Malta); Keith Attard (qarrej tal-provi); u l-pubblikatur mal-BDL Audrey Cassar u l-editur ma’ Merlin Publishers Kristina Chetcuti se jiddiskutu suġġetti li huma ta’ interess għal kull pubblikatur, editur, qarrej tal-provi jew kittieb. Fost l-oħrajn se jkunu qed iħarsu lejn kif tidentifika l-editur li teħtieġ, livelli differenti fl-editjar, il-pubblikazzjoni ta’ waħdek u l-pubblikazzjoni għand pubblikatur, u l-benefiċċji li tqabbad editur.

Se jitniedu wkoll żewġ traduzzjonijiet waqt il-Festival. L-Erbgħa Faraxa Publishing se tippreżenta L-Intruża u L-Għomja maqluba mill-Prof. Toni Aquilina. Dawn huma żewġ traġedji ta’ Maurice Maeterlinck. Il-Ġimgħa Horizons iniedu Mademoiselle Perlé u Aktar, traduzzjoni tal-ktieb ta’ Guy de Maupassant, u waqt l-avveniment Prof. Dominique Lanni se jiddiskuti l-irwol ta’ din id-drama fil-Letteratura Franċiża.

Diskussjoni dwar elementi ewlenin fi produzzjoni ta’ film ibbażat fuq xogħol letterarju se ssir il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu. Il-film li se jintuża hu Camilla, ir-rebbieħ tal-Konkors għall-Films Qosra 2018 tal-KNK. L-addattament tas-sottotitli, it-traduzzjoni u l-addattament tat-test se jkunu suġġetti ewlenin li se jlaqqgħu flimkien lid-direttriċi tal-film Stephanie Sant, li addattat in-novella ta’ Clare Azzopardi fi screenplay għal film mal-kittieb Teodor Reljić u ttraduċiet id-djalogi Maltin għal sottitli bl-Ingliż; Dr. Giselle Spiteri Miggiani li introduċiet it-Traduzzjoni Awdjoviżiva bħala traġitt ġdid ta’ studju fl-Università ta’ Malta; u Martin Bonnici li jmexxi l-kumpanija Shadeena.

Żieda speċjali għall-Festival ta’ dis-sena se tkun l-eżebizzjoni ta’ kotba u t-taħżiżiet jew illustrazzjonijiet oriġinali li eventwalment spiċċaw bħala qoxra ta’ ktieb. L-eżebizzjoni se tkun miftuħa tul it-tlitt ijiem kollha, u l-artisti mistiedna huma Jon Grech, Marisa Attard, Moira Scicluna Zahra, Steve Bonello, Julinu, Raymond Dominic Grech, Steven Scicluna u Mario Scerri. Il-ktieb u t-taħżiża jew illustrazzjoni oriġinali se jkunu eżebiti ħdejn xulxin.

Dawn huma wħud mill-attivitajiet li wieħed jista’ jiltaqa’ magħhom waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2019. Ħu ħsieb u ibqa’ segwi x’inhu jiġri fil-jiem li ġejjin billi żżur il-paġna tal-FB tal-KNK u l-paġna tal-FB tal-Festival. Il-Festival se jsir mill-Erbgħa 27 sal-Ġimgħa 29 ta’ Marzu. L-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sal-4pm u l-Ġimgħa mid-9am sa tard billejl.

 


Share Article