Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar il-programm tal-attivitajiet tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 20 u l-Ġimgħa 22 ta’ Marzu fil-Kwadranglu tal-Università.

Dal-festival huwa t-tieni l-akbar wieħed wara l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u kull sena jippreżenta għadd ta’ attivitajiet differenti li jattiraw lil studenti terzjarji u lill-pubbliku ġenerali lejn il-faċċati differenti tax-xefaq letterarju Malti.

Għall-edizzjoni ta’ dis-sena, il-KNK qed jilqa’ lill-illustratriċi Irlandiża Karen Harte bis-saħħa tal-għajnuna mill-Ambaxxata Irlandiża f’Malta, li se tieħu sehem f’xi attivitajiet fil-Festival. Il-parteċipazzjoni ta’ Harte hija turija tal-impenn tal-KNK lejn l-irwol kruċjali li għandhom l-illustraturi fl-industrija tal-pubblikazzjoni, kif ukoll tal-importanza li entitajiet kulturali jaħdmu flimkien.

Fil-fatt il-Festival iseħħ b’ħidma li kull sena tħalli l-frott bejn il-KNK u diversi għaqdiet studenteski u dipartimenti kemm mill-Università kif ukoll mill-MCAST. Magħhom jiżdiedu l-pubblikaturi, li dis-sena huma Faraxa Publishing, L-Għaqda tal-Malti, SKS Publishers, Ede Books/Kixott, Midsea Books/Klabb Kotba Maltin, Kite Group, Malta University Press, Horizons, Malta University Distributors u Kotba Calleja.

Sinn il-Ħiliet Letterarji Tiegħek

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus se jagħtik l-opportunità li tfannad fil-proċess kreattiv tiegħek. Karen Harte se tħares lejn il-mogħdijiet fid-dinja tal-pubblikazzjoni u toffri perspettiva unika li jaf iddawwal il-ħsieb ta’ illustraturi aspiranti. Barra minn hekk, il-kittieb veteran Victor Calleja se jaqsam mal-udjenza ċerti pariri prattiċi dwar l-att tal-kitba, l-istrutturar narrattiv u l-kitba ta’ esejs personali.

Nesploraw l-Identità Kulturali u l-Lingwa

Il-Festival joffri pjattaforma għall-identità kulturali u lingwistika għanja ta’ Malta. L-udjenza se jkollha ċans tirrifletti fuq l-ilsien Malti fil-letteratura bis-saħħa ta’ sessjoni ta’ MuT dwar il-letteratura Maltija bl-Ingliż, kif ukoll dwar l-effett tal-influwenza diretta tal-Ingliż fuq il-Malti. F’diskussjoni mtellgħa mill-ġurnal letterarju Aphroconfuso u bil-parteċipazzjoni ta’ Aaron Aquilina, Noah Fabri u Omar N’Shea se nesploraw kif il-ħsibijiet miktuba jiġu tradotti għall-Malti, li jtellgħu fil-wiċċ kif ir-relazzjoni lingwistika toffrilna privileġġi partikulari biex infassslu u nħawru l-lingwa.

Niskopru fejn jiltaqgħu l-mogħdijiet tal-Arti u t-Teknoloġija

Sir af kif qed jiżviluppa x-xefaq artistiku fl-era diġitali bis-saħħa ta’ workshops waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2024. X’inhuma l-implikazzjonijiet etiċi tal-AI fl-arti? Ħu sehem f’diskussjonijiet dwar il-bilanċ bejn ir-riżorsi online u l-pubblikazzjoni kummerċjali, kif ukoll dwar il-lingwa inviżibbli tal-film u dwar ir-rakkuntar tal-istejjer fuq it-televixin.

Ħajja lill-Kelma Miktuba

L-Għaqda tal-Malti – Università tistieden lill-poeti biex jesebixxu x-xogħol oriġinali tagħhom billi jużaw ġisimhom u l-vuċijiet tagħhom bis-saħħa tar-raba’ edizzjoni ta’ Poeżija Slam. Fl-attività ‘Literary Dramatics’, studenti performattivi se jagħtu l-ħajja lil testi bil-Malti b l-użu ta’ monologi teatrali, flimkien mal-mistieden Lon Kirkop, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 fil-kategorija tad-drama. Intant, DESA se jtellgħu sessjoni ta’ klabb tal-kotba dwar ir-rumanz ta’ Kamila Shamsie ‘Home Fire’, dwar it-temi tal-identità u l-appartenenza.

Niżżel il-programm minn www.ktieb.org.mt jew mill-paġna Facebook ta’ Kampus Kotba. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn id-9am u tard waranofsinhar, mill-Erbgħa 20 sal-Ġimgħa 22 ta’ Marzu 2024.


Share Article